Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, wiegħed l-akbar investiment fl-afforestazzjoni, jiġifieri tħawwil ta’ siġar, li qatt ra l-pajjiż filwaqt li wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lura ċ-ċentri urbani lin-nies.
Grech qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet ftit wara li dar ix-xerrejja u anke l-bejjiegħa tal-monti f’Birżebbuġa.
Il-Kap Nazzjonalista insista li l-programm elettorali li llejla l-Partit Nazzjonalista se jippreżenta, jinkludi pjan ċar dwar kif jista’ jinħoloq aktar ġid u jkun hemm aktar flus fil-but tan-nies.
Insista li l-Partit Nazzjonalista jifhem li l-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja qed jaffettwaw lin-nies u wiegħed li se jkun qiegħed jindirizza dan anke permezz tal-proposti tiegħu.
Madanakollu insista li apparti l-flus fil-but, kulħadd għandu dritt li jkollu kwalità ta’ ħajja tajba u jgħix ħajja diċenti.
“Importanti li filwaqt li nżidu l-ġid, ninvestu wkoll fil-kwalità tal-ħajja, ikollna aktar żoni ħodor fejn il-familji, it-tfal u l-anzjani tagħna jkollhom fejn igawdu aktar spazji miftuħa. Nemmnu li l-bniedem mhux qiegħed biss biex jaħdem imma biex ikollu kwalità ta’ ħajja tajba,” insista Grech.
Kien hawn li wiegħed proġetti ta’ afforestazzjoni f’kull lokalità.
‘Irridu nerġgħu nagħtu lura, anke ċ-ċentri urbani, lin-nies. Irridu naraw attività ħajja. Afforestazzjoni u spazji ħodor isiru mhux billi npinġu stampi sbieħ biss,” insista Grech, b'botta għall-proġetti mħabbra mill-Partit Laburista.
Mistoqsi kif se jsir dan il-proġett u fi żmien kemm, Grech ma tax dettalji. Qal biss li dan mhux se jsir mil-lum għall-għada u jsir b'tali mod li ma jinħoloqx inkonvenjent fit-toroq u jiżdied it-traffiku.
‘L-ismijiet ta’ min jixtri ċ-ċittadinanza Maltija mhux se jkunu mistura’
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar is-sistema taċ-ċittadinanza b’investiment, Grech saħaq li Gvern Nazzjonalista mhux se jwarrabha iżda se jara li din “titħaddem kif suppost.’
Insista li min jixtri ċ-ċittadinanza Maltija għandu jkollu rabta ċara ma’ Malta u jkun kburi li qed biha.
“Għalhekk l-ismijiet mhux se jkunu mistura,” wiegħed.
‘Irridu nagħti l-opportunità lil min jiżbalja biex jitgħallem’
Mistoqsi dwar il-proposta li ħabbar ilbieraħ, fejn ċitazzjoni tinħafer jekk fi żmien sitt xhur persuna ma twettaqx kontravenzjoni oħra, Grech saħaq li din qed issir biex persuna tingħata inċentiv biex titgħallem mill-iżbalji tagħha.
Insista li anke l-Qorti, għal reati aktar serji, meta tiġi biex tiddeċiedi s-sentenza, tħares lejn il-passat u l-kondotta tal-persuna u jekk din tkun nadifa, x’aktarx tmur għal sentenza sospiża.
Fi kliemu, Gvern Nazzjonalista irid li l-istess opportunità tingħata lil min iwettaq reati ħafna iżgħar, bħal pereżempju parkeġġ ħażin biex jitgħallem mill-iżball tiegħu u jerġa' jaħsibha qabel jirrepetih.