Rappreżentanti tal-komunità Ukrena f’Malta esprimew l-apprezzament tagħhom għall-appoġġ massiv tal-gvern Malti u taċ-ċittadini Maltin lill-poplu Ukren f’dawn iż-żminijiet diffiċli, waqt laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej fil-Belt Valletta.
Id-delegazzjoni Ukrena, immexxija mis-Sinjura Anna Syurma, Assistent Konsulari fil-Konsulat tal-Ukrajna f’Malta, rringrazzjat lill-gvern Malti għall-għoti ta’ assistenza medika lill-poplu Ukren u ddiskutiet ukoll arranġamenti potenzjali għall-ivvjaġġar għal dawk l-Ukreni li jkollhom bżonn jiġu Malta.
Il-Ministru Evarist Bartolo qal lid-delegazzjoni Ukrena li t-traġedja Ukrena mmobilizzat is-solidarjetà mal-poplu Ukren kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni Ewropea. Huwa żied jgħid li l-gvern Malti se jkompli jiddefendi l-interessi tal-poplu Ukren fil-fora internazzjonali kollha.
Is-Sinjura Anna Syurma, akkumpanjata mis-Sinjura Alexia Melkonyan u s-Sinjura Anna Turanska, rappreżentanti tal-komunità Ukrena f’Malta, qalet li l-komunità Ukrena f’Malta tinsab magħquda bit-tama li din it-traġedja tintemm dalwaqt. Qalu li din mhix aggressjoni mill-poplu Russu u li ta’ kuljum ċittadini Russi jikkuntattjawhom u jesprimu l-appoġġ tagħhom lill-poplu Ukren. Huma rringrazzjaw lill-poplu Malti u Għawdxi għall-għajnuna mogħtija, u qalu li lista ta’ oġġetti meħtieġa fl-Ukrajna tista’ tinkiseb mill-paġna ta’ Facebook Honorary Consulate of Ukraine in Malta.
Għal-laqgħa attenda wkoll is-Sur John Debono, Ambaxxatur Mhux Residenti għall-Ukrajna.