Malta twaqqaf il-bejgħ taċ-ċittadinanza lil ċittadini Russi u dawk tal-Belarussja

Ġie spjegat kif l-ebda persuna li sa issa hija milquta mis-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea ma għandha jew qatt kisbet iċ-ċittadinanza Maltija

Malta qed tissospendi b'mod immedjat il-bejgħ taċ-ċittadinanza lil ċittadini Russi u dawk tal-Belarussja.

Fi stqarrija maħruġa mill-Aġenziji Community Malta, Identity Malta u Resideny Malta ntqal kif l-applikazzjonjiet kollha pendenti se jkunu qed jiġu sospiżi hekk kif minħabba l-kriżi fl-Ukrajna mhux qed ikun possibbli li ssir analiżi tajba.

L-istqarrija spjegat li l-ebda persuna li sa issa hija milquta mis-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea ma għandha jew qatt kisbet iċ-ċittadinanza Maltija. Lanqas dawk li għandhom applikazzjonijiet pendenti ma jidher li huma milquta mis-sanzjonijiet.

Kompliet tispjega kif il-proċess ta’ skrutinju jiżgura li persuni li jinsabu fuq il-lista tas-sanzjoniijet jkunu identifikati u li f’każijiet bħal dawn, l-aġenziji jkollhom il-proċessi biex jirrevokaw kwalunkwe status li jingħata lil dawn il-persuni.

Ġie spjegat ukoll kif it-tiġdid tal-istatus tal-benefiċjarji se jkun proċessat skont il-każ ibbażat fuq il-proċeduri.

Robert Abela stenna sakemm ħaddieħor iddeċieda għalih - PN

Intant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li ngħata raġun għax kien ilu jappella lill-Prim Minsitru biex twaqqaf il-bejgħ taċ-ċittadinanza.

"Robert Abela missu għamel dan il-pass ferm aktar qabel imma għażel li jilgħab għall-gallerija u kien biss wara li ġew adottati s-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li għażel li jagħmel dan," insista l-PN. "Robert Abela reġa’ għamel dan il-pass mhux b’konvinzjoni imma b’konvenjenza. Is-solidarjetá mal-poplu tal-Ukrajna kienet titlob li jagħmel dan il-pass ferm qabel u mhux jistenna lill-ħaddieħor jgħidlu x’għandu jagħmel."

Temm jappella biex isiru  verifiki fuq iċ-ċittadinanza mibjugħa lil nies Russi fl-aħħar xhur.

More in Politika