Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jimplimenta qafas sod li jassigura aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar fid-direttiva dwar il-Work-Life-Balance li ħadem fuqha l-Ewroparlamentari Nazzjonalista, David Casa u li fi kliemu, Gvern Laburista injora għal kollox.
Insista li l-Partit Nazzjonalista jifhem li l-kunċett ta’ familja llum sar aktar versatili u wiegħed li Gvern Nazzjonalista joħloq bilanċ biex ma jkunx hemm pressjoni żejda fuq kwalunkwe koppja biex kulħadd ikollu biżżejjed ħin biex ilaħħaq bejn ix-xogħol, il-familja u l-bżonnijiet tad-dar.
Għalhekk, il-Kap Nazzjonalista llum wiegħed dawn il-miżuri għall-ħaddiema kollha:
- Dritt lill-ħaddiema kollha li jitolbu għal flessibbilità fil-ħin tax-xogħol. Min iħaddem huwa obbligat li jikkunsidraw dawn it-talbiet u jagħti ġustifikazzjoni bil-miktub jekk ma jaċċettax
- Dritt lill-impjegati kollha li jitolbu li jaħdmu mid-dar numru ta’ ġranet fil-ġimgħa kif maqbul ma’ min iħaddimhom sakemm tinżamm l-istess produttività u sakemm dan ikun possibbli. Anke hawn, min iħaddem huwa obbligat li jikkunsidraw dawn it-talbiet u jagħti ġustifikazzjoni bil-miktub jekk ma jaċċettax
- Tax Rebate lil min iħaddem biex jinvesti f’għamara ergonomika, biex is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tkun imħarsa anke jekk jaħdmu mid-dar. Wi-fi b’xejn ukoll għall-ħaddiema li jaħdmu mid-dar.
- Aktar protezzjoni lill-ommijiet tqal fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ emendi fil-liġi.
Wiegħed ukoll dawn il-miżuri għal koppji li jkollhom it-tfal:
- Estensjoni tal-paternity leave minn ġurnata għal 15-il ġurnata. Dan il-leave ikun jitħallas kollu kemm hu mill-Gvern. Porzjon żgħir ikun jista’ jittieħed mal-omm fl-ewwel ġimgħat wara t-twelid.
- Ħlas liż-żewġ ġenituri waqt il-paternal leave. Dan irid jittieħed qabel tifel jew tifla tagħlaq it-tmien snin. Dan japplika wkoll għal min jaddotta u għall-foster carers
- Il-Maternity Leave u l-Paternal Leave ikunu disponibbli wkoll għas-self-employed, bl-istess kundizzjonijiet tal-ġenituri li jkunu impjegati
- Skema ta’ appoġġ finanzjarju għal servizz ta’ nanny, għall-ġenituri ħaddiema u anke għas-self employed. Dan iseħħ b’sussidju jew tax rebate ta’ 50% tal-ispiża.
- Sick leave tal-ġenituri jkun jista’ jintuża wkoll jekk tfal ikunu ma jifilħqux jew inkella jweġġgħu
- Sussidju jew tax rebate għal għajnuna fix-xogħol tad-dar. Din tapplika għall-familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u fejn it-tfal huma taħt it-12-il sena. Tapplikaw wkoll għall-koppji kollha fejn ikun hemm tfal b’diżabbilità