SR Technics tinawgura faċilità ġdida b’investiment ta’ €42 miljun

Il-PM Robert Abela jgħid li dan se jkun "id-dar ta' mijiet ta' ħaddiema li fiha jibnu l-karrieri tagħhom"

Il-PM fl-attività tal-SR Technics
Il-PM fl-attività tal-SR Technics

SR Technics inawgurat faċilità ġdida f’Ħal Luqa b’investiment ta’ €42 miljun. Permezz ta’ dan l-investiment, in-numru ta’ ħaddiema fl-SR Technics se jkun qed jitla’ għal 500 fis-sentejn li ġejjin. Is-six-bay hangar huwa meqjus bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani.

Bl-investiment fuq medda ta’ 40,000 metru kwadru, SR Technics kabbret l-ispazju tagħha biex illum tista’ tagħmel xogħol ta’ tiswija u manutenzjoni fuq sitt ajruplani tat-tipi B737 u A320 fl-istess ħin.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan is-settur għandu quddiemu futur b’aktar suċċessi.

“Dan il-proġett state-of-the-art se jkun id-dar għal mijiet ta’ ħaddiema li fiha jibnu l-karrieri tagħhom biex joffru servizz ta’ eċċellenza lill-klijenti. Aktar minn hekk, dan hu investiment li jirrappreżenta l-impenn lejn pajjiż aktar innovattiv.” Abela spjega li jeħtieġ li nkomplu ninvestu fil-kapital uman, biex pajjiżna jarana kompettitivi u aktar attraenti minn pajjiżi oħra f’setturi ġodda li qegħdin jikbru.

“Nemmen li rridu nwaqqfu ċentru ta’ edukazzjoni tal-avjazzjoni li jaħseb għall-ħtiġijiet tal-industrija. Dan iċ-ċentru għandu jipprepara lill-istudenti tagħna, biex bil-ħiliet tagħhom iwieġbu għad-domanda li teżisti għal ħaddiema mħarġa u ambizzjużi. Għalhekk, aħna determinati li noħolqu ambjent li jinkoraġġixxi lill-istudenti jagħżlu din l-industrija.”

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif permezz ta’ dan l-investiment, mhux biss qed jinħolqu karrieri ġodda iżda Malta qed issir ċentru ta’ eċċellenza għall-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani.

“Kburija bil-fiduċja li SR Technics uriet f’Malta biex tkompli tkabbar l-investiment tagħha. Meta bdiet bil-proġett tagħha fl-2018, SR Technics riedet hangar li jilqa’ għad-domanda mill-industrija tal-avjazzjoni. Minkejja kollox, fl-eqqel tal-pandemija kompliet taħdem fuq dan l-investiment grazzi wkoll għall-għajnuna li ngħatat mill-Gvern u mill-Malta Enterprise,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-SR Technics fl-Isvizzera Jean Marc Lenz qal li “dan iċ-ċentru ta’ eċċellenza tal-SR f’Malta għal ajruplani narrow body jipprovdi servizz mill-aqwa fejn tidħol tiswija u manutenzjoni tal-ajruplani. Il-klijenti jafu li SR Technics tfisser kwalità, servizz tekniku eċċellenti u rati kummerċjali favorevoli. Meta huma jagħżlu s-servizzi ta’ manutenzjoni f’ Malta, qed jiġu assigurati l-ogħla livelli ta’ sigurtà u affidabbilità, kif ukoll servizz effiċjenti fl-iqsar żmien possibbli.”

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm, fost oħrajn, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri, il-Kap Eżekuttiv ta’ SR Technics fl-Isvizzera Jean Marc Lenz flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SR Technics Malta Arthur Magri.

More in Politika