"Ma kien hemm l-ebda U-Turn, is-sitwazzjoni kienet li l-awtoritajiet tagħna kienu qed jevalwaw is-sitwazzjoni." Dik kienet ir-risposta tal-Prim Ministru Robert Abela meta ġie mistoqsi dwar għaliex biddel fehmtu dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza lil ċittadini Russi u dawk tal-Belarussja.
Abela sostna li fil-mument li s-sitwazzjoni ġiet analizzata u r-riżultat tagħha kien li jkun aktar prudenti li l-applikazzjonijiet jiġu sospiżi, Malta sospendiet b'mod immedjat il-bejgħ taċ-ċittadinanza lir-Russi u l-Belarussi.
Kien il-Parlament Ewropew, fuq quddiem il-President tiegħu Roberta Metsola, li għamlu pressjoni sabiex skemi ta' Golden Visas u skemi ta' bejgħ taċ-ċittadinanza jiġu mwaqqfa għal ċittadini Russi minħabba li kien hemm il-biża' li l-oligarkija madwar Putin tista' tuża dawn l-iskemi biex tidħol fl-Ewropa. Inizzjalment il-Prim Ministru kien ikkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni li kien qed jappella biex jitwaqqaf il-bejgħ taċ-ċittadinanza lir-Russi, b'Abela jsostna li r-Russi ma għandhomx jitpoġġew fl-istess keffa.
Il-Prim Ministru qal dan fit-tmiem ta' konferenza tal-aħbarijiet li saret f'Kastilja dwar id-deċiżjoni li ħadet l-Financial Action Task Force (FATF) dwar Malta.
Inizzjalment imħabbra lbieraħ, l-stqarrija tal-FATF tgħid illi wara l-plenarja tagħha fi Frar tal-2022, irriżulta li Malta “sostanzjalment” lestiet il-pjan ta’ azzjoni u anke qed titlob li ssir żjara biex ikunu ivverifikati r-riformi li saru. Id-delegazzjoni tagħha se tkun qed iżżur Malta mill-aktar fis possibbli biex tivverifika l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni u anke l-progress li sar fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa.
Mistoqsi mill-ġurnalisti meta huwa mistenni li Malta toħroġ mil-Lista l-Griża tal-FATF, Abela stqarr li mhux se jkun qed jagħti tragwardi ta' żmien sabiex ikompli jkun kawt, l-istess bħal ma kien qed jagħmel il-Gvern matul l-aħħar xhur.