Residenti ta’ Birżebbuġa, bdiewa u persuni li għandhom għal qalbhom Wied Żnuber ingħaqdu mal-Moviment Graffitti u disa' għaqdiet oħra biex jitkellmu kontra l-pjanijiet li tħabbru fit-12 ta’ Frar għal mitjar tal-mudelli tal-ajruplani biswit il-wied u l-irdum taż-żona. Il-pjan għal dan il-mitjar tħabbar waqt l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-aġenzija tal-Gvern INDIS u assoċċjazzjoni tat-titjir tal-mudelli tal-ajruplani.
"Dan il-proġett, li mistenni jkollu impatt ambjentali u soċjali kbir, inħema fis-sigriet mingħajr ebda forma ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku," saħaq il-moviment.
Spjega li filwaqt li s’issa għadhom ma ġewx ippubblikati l-pjanijiet uffiċjali, u lanqas biss hemm applikazzjoni għall-iżvilupp mal-Awtorità tal-Ippjanar, hemm indikazzjonijiet li dan l-iżvilupp se jieħu 44 tomna ta’ art naturali u agrikola – daqs seba’ grawnds tal-futbol. Billi dan is-sit magħmul minn xagħri, ser ikun hemm bżonn radam estensiv sabiex jiġi livellat u jkunu jistgħu jinbnew strippa twila ta’ tarmak u struttura ta’ clubhouse. "Din l-attività ser iżżid drastikament it-tniġġis tad-dawl u tal-istorbju minn ħsejjes qawwija u kontinwi ta’ mudelli ta’ ajruplani mdaqqsa. Dan ser jeqred is-serenità tal-wied u tal-irdum," żied jgħid il-moviment.
Persuni oħra li tkellmu waqt il-konferenza qalu kif sabuha xokkanti kif proġett ta’ dan it-tip qed jiġi pjanat eżatt ħdejn sit tan-Natura 2000; magħruf mill-awtoritajiet stess bħala sit ekoloġikament sensittiv li jgħajjex bosta annimali protetti u veġetazzjoni importanti. Spjegaw ukoll kif tefgħa ta’ ġebla l-bogħod mis-sit maħsub għall-mitjar hemm l-irdumijiet fejn ibejtu ċ-ċief u l-garni, kolonji protetti ta’ għasafar sensittivi ħafna għad-dawl u għall-istorbju u li diġà huma mhedda.
Skont il-Moviment Graffitti, fis-sit hemm ukoll numru ta’ fdalijiet storiċi fosthom dolmen, xelter militari, kanali antiki tal-ilma u ħofriet preistoriċi li kienu jintużaw fir-riti tad-dfin.
Dan il-pjan ser jaffetwa ħażin ukoll lill-bdiewa. Uħud mill-bdiewa li jaħdmu l-art f’din iż-żona diġà rċevew notifika sabiex iħallu l-għelieqi li jaħdmu, filwaqt li l-bdiewa l-oħrajn ser jaffaċċjaw il-perikolu kontinwu ta’ mudelli tal-ajruplani għaddejjin ivenvnu fuq rashom.
"Fil-Pjan Lokali, is-sit inkwistjoni, jagħmel parti miż-żona industrijali iżda dan ma jirriflettix ir-realtà ta’ sit li, fil-verità, huwa art naturali li tinsab eżatt ħdejn wied u rdum. Sa issa, l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp f’dan is-sit kollha ġew rifjutati. Aħna determinati li nkomplu nopponu dan il-pjan sakemm jiġi rtirat. "
Disa' għadiet ingħaqdu ma' Moviment Graffitti u flimkien ipparteċipaw fil-Konferenza Stampa. Dawn huma;
- Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa
- ŻAK Birżebbuġa
- 12th Birżebbuġa Girl Guides
- Moviment Graffitti
- BirdLife Malta
- Din l-Art Ħelwa
- Flimkien għal Ambjent Aħjar
- Friends of the Earth Malta
- Extinction Rebellion Malta
- The Archaeological Society Malta
"Fid-dawl ta’ dan kollu, nisħqu li l-pjan tal-mitjar huwa totalment inaċċettabbli għaliex se jeqred art verġni u se jħalli impatt diżastruż fuq il-madwar. Għandna kull rispett lejn min iħaddan id-delizzju tat-titjir tal-mudelli tal-ajruplani, iżda nemmnu li mhuwiex ġust li jispiċċaw ibatu r-residenti, il-bdiewa u l-ambjent naturali ta’ pajjiżna sabiex isir proġett li ser jagħmel ħsara kbira," temmew il-konferenza l-Moviment Graffitti.