'Gvern Nazzjonalista ma jneħħix il-liġi tal-kannabis imma jtejjibha' - Grech
Bernard Grech jitkellem dwar l-aħħar stqarrija ta' Konrad Mizzi u jawgura li dan 'verament isib il-paċi u s-serħan'

minn Yendrick Cioffi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech saħaq li Gvern Nazzjonalista mhux se jneħħi l-liġi dwar il-kannabis rikreattiva imma se jkun qiegħed jtejjibha.
Bernard Grech qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat mill-ġurnalist Luigi Sapiano waqt attività taħt it-tinda f’Birkirkara.
Mistoqsi dwar il-pożizzjoni li ħa tal-Partit Nazzjonalista fuq il-liġi tal-kannabis u jekk jaħsibx li tilef voti meta fil-Parlament ivvota kontra, Grech saħaq li l-PN qatt ma jiddeċiedi fuq il-voti.
Insista li wara li tkellem mal-esperti, il-Partit Nazzjonalista ħa l-pożizzjoni kontra n-normalizzazzjoni tal-kannabis.
Madanakollu saħaq li jekk ikun elett fil-Gvern mhux se jneħħi din il-liġi imma se jaħdem biex itejjibha. Fost oħrajn qal li sal-lum, dawk li jikkonsmaw il-kannabis, għad ma għandhomx aċċess biex jixtruha b'mod sigur.
Dwar il-kritika li l-PN huwa konservattiv u kontra kwistjonijiet bħall-abort jew il-kannabis, Grech insista li l-PN kien ukoll favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, it-tkabbir tal-ekonomija, il-ħolqien ta' setturi ekonomiċi ġodda, favur l-ambjent u ħafna aktar.
'Abela ma għandux ideat ... għalhekk marbut mal-bejgħ tal-passaporti'
Bernard Grech qal ukoll li l-Prim Ministru Robert Abela ma għandux ideat ta’ kif se joħloq il-ġid fil-pajjiż u huwa għalhekk li “jibqa’ marbut mal-bejgħ taċ-ċittadinanza.”
Mistoqsi għaliex ma jridx ineħħi l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, il-Kap Nazzjonalista insista li għall-kuntrarju ta’ Gvern Laburista, Gvern immexxi minnu mhux se jkun qed jiddependi biss minn din l-iskema jew inkella mid-dejn pubbliku biex joħloq il-ġid.
“Jien liberu u ma għandi l-ebda ftehim ma’ kriminali,” insista Grech waqt li saħaq li Gvern Nazzjonalista joħloq il-ġid bil-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda.

Insista li jekk il-Partit Nazzjonalista jkun elett fil-Gvern, jassigura li ħadd ma jixtri ċ-ċittadinanza għal skopijiet personali imma jixtriha biss għax ikun kburi bil-pajjiż.
“Tixtriha jekk int trid u tkun kburi b’pajjiżi. Tixriha jekk tkun lest tikxef ismek u tassoċja ruħek ma’ pajjiżi. Jekk ma tridx, mela jien ma għandhiex bżonn flusek,” insista Grech.
Tenna li Gvern Nazzjonalista jassigura li min jixtri ċ-ċittadinanza ikollu rabta diretta ma’ Malta.
'Din l-elezzjoni mhux dwari jew il-PN...'
Grech kien mistoqsi wkoll dwar is-sondaġġi li għal ġimgħa oħra qed ibassru rebħa kbira għall-Partit Laburista.
Nawgura li Konrad Mizzi verament isib il-paċi u s-serħan. Ifisser li lanqas kellu paċi u lanqas serħan minkejja l-miljuni li għaddew minn taħt idejh
Insista li hu jkejjel is-suċċess mhux fuq il-voti imma fuq dak li se jħalli warajh, waqt li saħaq li f’sena u ħames xhur il-PN mexa ‘l quddiem u qiegħed f’sitwazzjoni ħafna aħjar.
“Din l-elezzjoni mhux dwari jew il-Partit Nazzjonalista imma dwar il-viżjoni li l-poplu jrid għal dan il-pajjiż,” kompla Grech waqt li tenna dak li issa ilu jgħid tul kampanja sħiħa, jiġifieri li l-PN ippubblika l-programm elettorali tiegħu u l-Partit Laburista “qed jikkuppjah.”
'Nawgura li Konrad verament isib il-paċi u s-serħan'
Grech kien mistoqsi wkoll dwar Konrad Mizzi u l-istqarrijiet li għamel fl-aħħar jiem.
“Nawgura li Konrad Mizzi verament isib il-paċi u s-serħan. Ifisser li lanqas kellu paċi u lanqas serħan minkejja l-miljuni li għaddew minn taħt idejh,” insista Bernard Grech.
Mistoqsi jekk ikeċċix il-Kummissarju, jekk hu jkun Prim Ministru u jibqa’ ma jkunx hemm każ kontra Mizzi, il-Kap tal-Oppożizzjoni insista li hu ma jindaħalx lill-awtoritajiet.
“Taħti l-awtoritajiet ikunu awtonomi u liberi li jieħdu azzjoni,” insista.
Madanakollu saħaq li fuq sempliċiment drone li marret fuq daru, il-Pulizija għadha qed tinvestiga u dan meta, fi kliemu, hemm “konferma li mhuwiex tal-Awtorità tal-Ippjanar.”
Joseph Muscat u l-ispag
Tkellem ukoll dwar il-Prim Minsitru Robert Abela u għal darba, tnejn, qal li dan ma jiddeċidix u jiddeċiedi biss wara li “jiġbdulu l-ispag.”
Mistoqsi min qed jiġbed dawn l-ispag, Grech qal li din tista’ tkun l-Unjoni Ewropea li ġġiegħlu jiddeċiedi kif ġara fil-każ tal-bejgħ taċ-ċittadinanza jew “Joseph Muscat li meta ma qabilx miegħu qabiżlu għan-nofs.”


