'Il-futur tagħkom' - Iż-żewġ mexxejja f'wirja b'saħħitha quddiem sala mifqugħa entużjażmu

L-ambjent, il-mina, First Time Buyers, Għawdex, l-abort u aktar f'dibattitu jaħraq fl-Università ta' Malta...

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech illum iffaċċjaw lil xulxin għall-ewwel darba waqt dibattitu organizzat mill-Kunsill Studenti Universitarji fl-Università ta' Malta. Kien dibattitu jaħraq u fost l-aktar mumenti entużjasti fil-kampanja elettorali sa issa. 

Kif  intlaqgħu? Il-Prim Ministru Robert Abela ngħata l-akbar appoġġ mis-sala b'ċapċip u għajjat ta' 'Robert, Robert' u 'Viva l-Labour, Viva l-Labour!' fil-ftuż u anke l-għeluq iżda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ukoll intlaqa' b'ċapċip u għajjat ta' 'Bernard, Bernard' u xi ftit ta' diżapprovazzjoni wkoll. Interessanti li meta ħareġ fuq il-palk Paul Salomone l-Kap tal-Partit Popolari vuċi waħda instemgħet tgħajjat "Malta, Malta". 

Il-PM u Kap tal-Oppożizzjoni jieħdu b'idejn xulxin qabel id-dibattitu
Il-PM u Kap tal-Oppożizzjoni jieħdu b'idejn xulxin qabel id-dibattitu

L-ewwel indirizz:

Robert Abela - "Kemm ninsab entużjast li qiegħed hawn biex nitkellmu fuq il-futur tal-pajjiż. Ħerġin mill-akbar sfida, fejn ħdimna biex nipproteġu il-ħajjiet u l-għixien," sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela. Fid-diskors introduttorju tiegħu huwa qal li issa hemm ir-realtà ta' gwerra. "Dan il-mument jitlob il-maturità fid-dibattitu, imma ma għandniex naqtgħu qalbna."

Abela sostna li sentejn ilu kien hemm min ħaseb li l-pajjiż mhux se jasal, imma "ħdimna flimkien u wasalna flimkien u għandna bażi soda fuq xhiex naħdmu." Huwa faħħar dokument li ħareġ mill-Università dwar l-Unjoni Ewropea u l-futur tagħha, kif faħħar ukoll li studenti universitarji stess li għamlu White Paper dwar il-kannabis, "u dak li xtaqtu daħħalinuh fil-Liġi. Dak li rrid nara jiena intom li tagħmlu d-differenza, mela tastjeni mil-Liġi."

Bernard Grech: "Kemm ninsab kuntent li qattajt memorji mill-isbaħ, li tieħu deċiżjonijiet mill-ewwel u mhux tistenna lill-Ewropa tiddeċiedi għalik," qal Bernard Grech f'referenza għall-Bejgħ tal-Passaporti. Huwa akkuża lil-Labour li ma ħoloqx settur ekonomiku wieħed, filwaqt li qal illi l-PN irid joħloq 10 setturi ġodda. 

Carmel Cacopardo: Iċ-Chairperson tal-ADPD qal li waqt li għaddej dak kollu madwarna, "hawn qisna qegħdin fil-Christmas b'wegħdiet li rridu neħduhom with a pinch f salt." Huwa fakkar fl-iskarsezzi u l-għoli tal-prezzijiet madwarna u kkwota wkoll lill-Ministri tal-Finanzi li qal illi l-pajjiż din il-gwerra se tiswih €200 miljun. 

Ivan Grech Mintoff: Il-Kap tal-Partit ABBA qal li dan mhuwiex dibattitu imma ċensura u rrimarka li dawk li mhumiex imlaqqmin ma setgħux imorrru jisimgħu dan id-dibbattitu. Huwa qal li l-partit ma jridx ħames snin oħra ta' Oppożizzjoni ineffettiva u aktar kontinwità ta' korruzzjoni. 

Paul Salomone: Il-Kap tal-Partit Popolari qal li hu mhux qiegħed hemm għall-voti, imma qal li se jieħu gost jitkellem għax jaf li dawk preżenti huma l-futur ta' dan il-pajjiż. 

Il-mexxejja politiċi kienu mistoqsija dwar il-kriżi fl-Ukrajna. X’tista’ tagħmel Malta u kif se tilqa’ għall-isfidi: Aqra f'artiklu separat x'intqal fuq din il-materja. 

Il-PN u l-PL iwiegħdu li jħarsu l-ambjent u l-partiti ż-żgħir jgħidulhom li 'ma jistgħux jitkellmu' dwar is-suġġett

Carmel Cacopardo: Insista li l-ADPD irid aktar aċċess għall-kampanja biex ħadd ma jibqa’ jagħlaq passaġġi pubbliċi. Saħaq li l-proġett tat-trakka tal-karozzi ma hawnx f’postha f’Malta. “Il-bankini tagħna huma għan-nies u mhux għall-imwejjed u s-siġġijiet,” kompla jisħaq. 

Tkellem dwar l-importanza li l-abbużi fl-ippjanar jinqatgħu. Saħaq li l-Membri Parlamentari ma għandhomx postijiet f’bordijiet tal-ippjanar. 

Bernard Grech: “It-track record tal-Labour fl-ambjent huwa li qerrduh. Araw x’riedu jagħmlu fiż-Żonqor u f’Wied il-Għajn,” insista Grech. Fakkar li l-PN qed jipproponi li 50,000 metru kwadru fis-sena ta’ art pubblika ssir ODZ u li l-permessi biex isir żvilupp f’ODZ ikun hemm bżonn il-vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament.

“Irridu nieħdu deċiżjonijiet maturi anke jekk mhux popolari,” insista Grech.

Dwar il-costings, insista li l-PN se jkun qed jippubblikahom. “X’ġenn għandek Prim Ministru? Jaqgħu trid tikkupjahom ukoll?", staqsa Grech.

Paul Salamone: Wiegħed li l-partit tiegħu jiffirma ftehim, quddiem nutar, biex il-marina ta’ Wied il-Għajn, jekk il-Partit Popolari jkun fil-Gvern, qatt ma ssir, anke b’rispett lejn it-tradizzjonijiet tal-lokal. “Il-bini sabiħ imma kemm hi isbaħ il-kultura li ħallewlna missirijierna,” saħaq Salamone.

Paul Salomone
Paul Salomone

Ivan Grech Mintoff: Fi kliemu, iż-żewġ partiti huma ħaġa waħda mċappsa mil-flejjes tal-kuntratturi u għalhekk ma jistgħux jitwemmnu. “Jekk tridu tipproteġu l-ambjent, wiegħdu hawn li teqirdu l-MEPA,” qal lill-mexxejja tal-partiti l-kbar.

Robert Abela: Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li Bernard Grech ma jistax jitkellem dwar l-ambjent għax fi kliemu, l-id il-leminija tiegħu, meta l-PN kien fil-Gvern, daħħal art “daqs is-Siġġiewi” minn ODZ għal żona ta’ żvilupp, f'dik li baqgħet titfakkar bħala r-razzjonalizzazzjoni tal-konfini tal-iżvilupp li twettaq taħt l-eks Ministru George Pullicino. Bernard Grech wieġbu li biex jikkritika lill-PN, Abela kellu jmur lura għall-2006. Insista li Ray Bezzina, li għalih għamel referenza l-PM, qatt ma kellu każ ta’ korruzzjoni.

Il-Prim Ministru wiegħed li s-€700 miljun li qed iwiegħed għal proġetti ambjentali jsiru. Fakkar fi proġetti ta’ tħaddir u żoni pedonali, fosthom dik ta’ Triq Sant’Anna.

Fakkar li minn fabbrika dilapitata, Gvern Laburista ħoloq il-park nazzjonali u mill-miżbla tal-Qortin ħoloq park għall-familja. Kompla jfakkar fil-proġett tas-shore-to-ship fil-Port il-Kbir u anke fil-Freeport u fl-inċentivi għaż-żieda fil-karozzi elettriċi. Qal li Gvern Laburista se jkun qiegħed ukoll jagħmel użu mir-riżorsi tax-xemx u l-baħar.

“Aħna ma ngħidux li għandna l-istudji bħal tat-trasport u mbagħad ma nippubblikawhomx. Tagħna pubbliċi u għamilna konsultazzjoni pubblika. Din bħal tal-White Paper tal-Kannabis. Grech nesa jagħmel sottomissjonijiet," kompla Abela.

Trackless tram, Metro, traffiku u toroq... 

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li dan il-Gvern ħadem kemm felaħ sabiex tittejjeb bil-kbir l-infrastruttura tat-toroq f'Malta u fakkar kif minn Ottubru li ġej, hekk kif diġà ħabbar fil-Baġit, it-trasport pubbliku se jkun b'xejn għal kulħadd. 

Huwa kkritika l-proposta ta' Trackless Tram u qal li din mhi xejn għajr il-bendy buses mill-ġdid. Abela fakkar fil-miżuri li ħa l-Gvern sabiex jiżdied l-użu tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku u jfakkar ukoll illi l-Gvern qed jinvesti f'charging pillars madwar il-pajjiż, qed jaħdem fuq Interconnector ieħor, il-Pipeline tal-Idroġenu u jsemmi wkoll l-Fast Ferry li jisħaq illi kontra ħafna li ntqal, qed jaħdem sew. Abela qal li Gvern Laburista jara li dawn ikunu aktar frekwenti u jkun hemm aktar waqfiet. 

Abela semma' l-Metro u qal li l-Gvern għaddej bi proċess ta' kosultazzjoni u ħabbar ukoll li l-Gvern bagħat talba għal finanzjament lill-Kummissjoni Ewropea, liema finanzjament, jekk approvat, se jintuża biex isiru diversi studji meħtieġa - sabiex isir dan il-proġett.

Il-PM Abela qal illi l-ispiża tal-Metro hija kbira. "Irridu niddeċiedu irridux immorru għal dan il-proġett jew inkella rridux l-istatus quo. U fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se nkomplu niddiskutu proprju dan." 

Carmel Cacopardo qal li huwa tajjeb li jkun hemm trasport pubbliku b'xejn, iżda qal li l-problema mhix il-prezz iżda l-effiċjenza u rijabilitazzjoni. Huwa qal li l-problema hija li għal numru ta' snin it-trasport pubbliku ġie traskurat. Huwa sostna li fil-politika tal-Gvern hemm bżonn jittieħdu l-miżuri li ma jinkludux aktar karozzi. Huwa saħaq li proġetti kbar tat-toroq wasslu propju biex jiżdiedu aktar u aktar karozzi. 

Bernard Grech saħaq li għall-problemi tal-lum il-PM qed jagħti risposta ta' 30 sena oħra. Huwa saħaq li l-pjan tal-PN jagħmel sens u se jimplimentah f'erba' snin, permezz ta' trakless tram. 

Huwa saħaq li l-PN fil-Gvern irid li l-poplu jaħli inqas ħin fit-traffiku u qal li r-rapport tal-Arup stess jindika li Metro f'Malta mhijiex vijabbli. 

Paul Salomone qal li ma hemmx biżżejjed vetturi ta' tal-linja f'Malta biex tlaħħaq mad-domanda. 

Ivan Grech Mintoff akkuża lill-PM illi bil-policies tiegħu Abela kisser lin-nies u kisser lin-negozji. Semma' lil Neville Gafa' u akkużi li dan kien qed jagħti viżas mediċi minn Kastilja lil-Libjani flimkien mal-eks PM Muscat. 

Mill-istipendji għall-ħsieb ħieles: X'qed jipproponu għall-edukazzjoni?

Paul Salamone: Saħaq li l-Partit Popolari jemmen li kulħadd għandu dritt għal edukazzjoni terzjarja u kull min jidħol għaliha għandu jingħata għajnuna finanzjarja u sostenibbli. “Aħna nemmnu f’soċjetà li taf xi trid tagħmel bil-futur tagħha,” insista.

Ivan Grech Mintoff: Insista li l-ġenituri għandhom ikollhom id-dritt jagħżlu x’jitgħallmu t-tfal tagħhom jew le.

Robert Abela: Il-Prim Ministru saħaq li mhux kulħadd għandu l-istess opportunitajiet u għalhekk il-PL qiegħed iwiegħed garanzija li tgħin lil kulħadd, b’mod partikolari lil dawk it-tfal li ġejjin minn familji li ma jistgħux finanzjarjament. Wiegħed ukoll għajnuna biex aktar tfal jieħdu sehem f’attivitajiet extrakurrikulari.

Fakkar fil-proposta tal-PL li joffri €500 għal tliet snin għal dawk li jibqgħu jistudjaw lilhinn mill-età obbligatorja. Fakkar ukoll li fl-aħħar baġit, il-Gvern żied l-istipendju b’10% u qed iwiegħed li jżidhom bi 15% oħra.

“Dan se nagħmluh mingħajr kundizzjoni marbuta miegħu mhux bħall-PN,” saħaq Abela. 

Robert Abela
Robert Abela

Carmel Cacopardo: Iċ-Chairperson tal-ADPD saħaq li s-sistema edukattiva mhijiex qed tiżviluppa biżżejjed il-personalità tal-istudenti.

“Għandna bżonn aktar riflessjoni kreattiva, kritika u kostruttiva li hija nieqsa ħafna,” insista Cacopardo. Fakkar li l-ADPD qed jipproponi wkoll li l-istipendji fil-livell terzjarju, jersqu ftit ftit lejn nofs il-paga minima nazzjonali.

Bernard Grech: Il-Kap tal-Oppożizzjoni insista li l-edukazzjoni mhijiex biss il-flus imma wkoll il-viżjoni. Insista li s-sistema edukattiva ma tistax tibqa’ bbażata biss fuq l-eżamijiet li fihom wieħed jirriproduċi dak li jitgħallem. Tkellem dwar l-importanza tal-ħsieb ħieles.

“Aħna nemmnu wkoll li l-edukazzjoni mhijiex biss l-akkademiku imma anke l-isport, il-kultura u l-mużika. Aħna ma nitmejlux bil-kandidati għax kienu jkantaw,” insista Grech. 

Insista li l-edukazzjoni, il-Gvern irid jieħu ħsiebha fil-livelli kollha tagħha, anke biex iż-żgħażagħ ikunu ppreparati għall-għaxar setturi ekonomiċi li l-PN jixtieq joħloq.

Dwar l-istipendju, fakkar fil-wiegħda li jgħollih b’25% u aktar minn hekk għal dawk l-istudenti li jagħmlu xogħol volontarjat.

“Aħna nemmnu li l-volontarjat jgħinek tiżviluppa. Li tissieħeb f’għaqdiet volontarji u għalina dak għandu valur,” insista Grech.

Apparti minn hekk, fakkar fil-wiegħda li Gvern Nazzjonalista jeżenta lill-istudenti jew l-impjegati sa 21 sena li jaqilgħu inqas minn 60% tal-introjtu medjan nazzjoanli, milli jħallu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (bolla).

Proprjetà u First Time Buyers: Min qal xhiex u min qed iwiegħed xhiex?

Dwar il-proprejtà Bernard Grech qal li l-PN qed jipproponi diversi miżuri li elenka, fosthom dik tal-10% depożitu għal min jixtri l-ewwel proprjetà, fost oħrajn.

Robert Abela wkoll elenka diversi miżuri li qed iwiegħed il-Partit Laburista. Fakkar li kien Gvern Laburista li beda l-Iskema tal-First Time Buyers u li minnha din gawdew madwar 28,000 persuna. Fakkar fil-wegħda ta' €1,000 kull sena mħallsa mis-self, sa massimu ta' €10,000.

Fakkar ukoll li kien Gvern Laburista li wettaq miżura ta' xiri ta' proprjetà f'Urban Conservation Area, b'għotja ta' €30,000 lil dawk ,li jixtru f'UCA f'Għawdex. 

Abela fakkar li l-miżura ta' 10% fil-ħlas tal-konvenju għal dawk li ma jistgħux jħallsu d-depożitu għad-dar tagħhom u fakkar ukoll li issa se jogħla l-limitu biex koppji u persuni jkunu jistgħu jixtru proprjetajiet sa massimu ta' €225,000. 

Fakkar ukoll li kien Gvern Laburista li beda l-miżura ta' Equity Sharing - li permezz tagħha l-Gvern joħroġ persentaġġ tal-kapital għall-proprjetà. 

Il-Mina: Rovina jew bżonn?

Carmel Cacoprpardo: "Aħna l-uniku partit li dejjem tkellimna ċar li l-mina ma għandhiex issir," qal iċ-Chairperson tal-ADPD. Huwa qal li l-istudji li sar jikkwantifika fil-fatt kemm hemm bżonn karozzi biex tkun vijabbli u sostna li dan ikun ifisser li jitkissru l-karatteristiċi tal-Għawdxin. 

Bernard Grech qal li l-PN irid li jsiru studji u wara jkunu l-Għawdxin li jiddeċiedu xi jridu. Huwa kompla jgħid li għal Għawdex il-PN qed iwiegħed ħafna aktar, fosthom MCAST ġdid, sptar ġdid filwaqt li Gvern Nazzjonalista ġdid jieħu lura l-isptarijiet mingħand Steward, "xi ħaġa li inti ma tistax tagħmilha," sostna Grech. 

Bernard Grech
Bernard Grech

Paul Salomone ukoll qal li l-Partit Popolari huwa kontra mina bejn il-gżejjer għaliex jgħid li Għawdex - li jiddependi tant fuq it-turiżmu - mhux mina għandu bżonnu. 

Ivan Grech Mintoff sejjaħ din tal-mina bħala "ċejċa" u "gimmick" ta' qabel kull elezzjoni, bħall-wegħdi li "se nsibu ż-żejt."

U finalment il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela beda billi  qal li l-proġett tal-mina bħalissa jinsab fi stadju ta' procurement. Reġa' semma' l-Fast Ferry u fakkar ukoll li kien il-Gvern preżenti li daħħal ir-raba' vapur. "Imma Għawdex mhix biss il-konnettività imma qed naħdmu fuq it-trasformazzjoni diġitali u l-qalba ambjentali." Huwa fakkar fil-Fibre Optic Cable li għadda lejn Għawdex u wiegħed ħidma biex Għawdex isir 'climate-neutral' billi - fost oħrajn - il-flotta kollha tal-vetturi f'Għawdex kollha tiġi eletrrifikata. 

Inkjesta Daphne: X'se tagħmlu biex timplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet?

Robert Abela: Il-Prim Ministru fakkar li l-Gvern minnufih aċċetta l-konklużjonijiet, iltaqa’ mal-familja Caruana Galizia u anke ħejja numru ta’ abbozzi li bħalissa qed ikunu diskussi f’kumitat ta’ esperti. Insista li Malta tista’ tkun l-ewwel pajjiż li jkollha leġislazzjoni kontra l-iSlapp u għalhekk tkun qed tipproteġi aktar lill-ġurnalisti.

Carmel Cacopardo: Iċ-Chairperson tal-ADPD saħaq li huma kommessi li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-bord tal-inkjesta. Fi kliemu, l-affarijiet miexja bilmod wisq.

Bernard Grech: Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-Prim Ministru seta’ beda billi vvota favur is-sensiela ta’ liġijiet li ppreżentat l-Oppożizzjoni. Fi kliemu, kieku llum, Malta diġà għandha liġi kontra l-iSlapp. Tkellem dwar il-bżonn li l-midja tkun aktar libera u tkun sostnuta.

Ikkritika lill-Partit Laburista li poġġa fuq billboard tiegħu ġurnalist indipendenti, jiġifieri lil Manuel Delia. Saħaq li l-aħħar darba li ġurnalista tpoġġiet fuq billboard mill-Partit Laburista, din inqatlet.

Paul Salamone: Fakkar li hemm diversi delitti li baqgħu mhux solvuti, fosthom dak ta’ Karin Grech. Tkellem dwar il-bżonn li jitwaqqaf Task-Force “li ma jibża’ minn ħadd” u li jaħdem bis-serjetà biex jikxef il-verità u jarresta lil kull min hu responsabbli.

Ivan Grech Mintoff: Il-Kap tal-Partit ABBA saħaq li biex jinbiddlu l-affarijiet hemm bżonn bidla fis-sistema Parlamentari, fosthom li jkun hemm Gvern immexxi minn ko-alizzjoni, biex patiti iżgħar ikunu jistgħu jżommu lill-Gvern responsabbli. “Il-vot f’idejkom,” qal lill-istudenti. 

Dwar il-qasam tas-saħħa sesswali Robert Abela fakkar illi l-Partit Laburista qed iwiegħed il-pillola kontraċettiva x'xejn u anke prodotti għall-menstruwazzjoni b'xejn fl-iskejjel. Abela fakkar ukoll li l-Gvern Laburista għandu track record fil-qasam LGBTIQ u apparti dak li diġà sar il-Partit Laburista, issa san il-partit qed iwiegħed ukoll li l-Operazzjoni tal-Gender Reassignment tkun mingħajr ħlas. 

Il-PM u Mexxej Laburista sostna li hu mhux se jevita l-abort u qal illi l-pajjiż u s-soċjetà ma ddurx mal-politiċi biss u qla li d-diskussjoni dwar l-abort għaddejja u għandha tibqa' għaddejja. 

Abela għamilha ċara li hu diġà esprima ruħu kontra l-abort diversi drabi u huwa propju għalhekk li dan ma ddaħħlx fil-manifest elettorali. 
"Jiena rrid nifhem u nkompli nifhem lil dawk li għamlu abort diġà," qal Abela li sostna illi dan is-suġġett ma għandux jibqa' jiġi trattat bil-preġudizzju. 

Huwa fakkar li se jżid is-servizzi tal-IVF - hekk kif wiegħed il-Partit Laburista diġà .

Carmel Cacopardo kien l-uniku mexxej politiku llum li fil-fatt esprima qbil mad-dikriminalizzazzjoni tal-abort u allura wkoll mal-abbozz ta' Liġi li kienet ressqet id-Deputat Marlene Farrugia. 

Huwa qal illi l-liġi għandha tkun ħafna iktar ċara dwar x'għandu jagħmel tabib f'każ ta' mara tqila li tkun se titlef ħajjitha, mingħajr ma t-tabib jidħol fil-periklu li jitlef il-warrant. 

Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ukoll sostna li minkejja li l-PN huwa kontra l-abort u dan mhuwiex fil-programm elettorali, sostna wkoll li hemm numru ta' nisa li wettqu l-abort u l-pajjiż jeħtieġ jifhem lil dawn in-nisa. 

Huwa fakkar mill-ġdid, li Gvern Nazzjonalista jgħin biex aktar koppji jagħmlu IVF, anke barra l-pajjiż jekk meħtieġ. 

Ivan Grech Mintoff sostna li huwa kontra l-abort u li l-partiti ma jistgħux jgħidu li huma kontra mbagħad ikollhom fi ħdanhom nies li huma favur l-abort u ġab lil Roberta Metsola u lil Cyrus Engerer bħala eżempji. 

 

Il-konklużjonijiet:

Carmel Cacopardo: Fi tmiem id-dibattitu, iċ-Chairperson tal-ADPD saħaq li l-akbar problema li għandu l-pajjiż hija l-governenza u li ż-żewġ partiti l-kbar mhux jagħtu eżempju tajjeb. Semma l-kumpaniji kummerċjali taż-żewġ partiti l-kbar li għandhom ħlas b’lura, kemm tat-taxxa u anke tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Insista li jekk persuna ma tħallasx, malajr jispiċċa bla dawl. “Meta se jispiċċaw bla dawl u ilma l-PN u l-PL,” saħaq Cacopardo.

Paul Salamone: Qal li l-Partit Popolari, mill-ewwel ġurnata tat-twaqqif tiegħu, beda biż-żjarat fid-djar biex jisma’ l-karbiet tan-nies. Qal li hemm faxxa ta’ nies li għadhom qed jgħixu fil-faqar. “Sar ġid iżda hawn faxxa ta’ nies li qed jgħixu fil-faqar. Ejjew miegħi. Dħalt għand wieħed li ilu snin ma jħallas kontijiet tad-dawl u l-ilma u għandu żewġt itfal b’diżabbilità. Qed jagħtuh enerġija b’xejn biex jixgħel tliet bozoz u fridga,” insista. Qal li l-Partit Popolari se jibqa’ jagħti vuċi u jgħid lil dawn in-nies, għax fi kliemu, kulħadd għandu dritt għall-għajxien diċenti.

Ivan Grech Mintoff: Staqsa jekk in-nies humiex kuntenti bit-tmexxija ta’ Robert Abela u Bernard Grech. Fi kliemu, min mhuwiex, ifisser li għandu problema jerġa’ jafda lil dawn in-nies. Insista li s-soluzzjoni mhijiex li l-vot jibqa’ fil-kexxun. Ħeġġeġ lill-votanti biex jivvotaw biex l-affarijiet jinbidlu. “Intom biss tistgħu ssolvu l-problemi u mhux dawn iż-żewġ min-nies,” insista. “Jekk tridu l-partiti, għażlu lit-tielet partit.” 

Bernard Grech: Il-Kap Nazzjonalista beda l-konklużjoni tiegħu jisħaq li llum fehem għaliex Robert Abela kien qed jaħrab minn dibattitu miegħu. “Ħlief ibeżża’ u jkun negattiv ma għamilx. Ma għandux viżjoni,” insista Grech.

Appella liż-żgħażagħ preżenti biex jivvotaw favur il-ħolma li għandhom li jirnexxu u jagħmlu suċċess. Wiegħed li Gvern Nazzjonalista jaħdem biex jagħtihom opportunitajiet u li hu “jżomm kelmtu.”

“Il-viżjoni tagħna hija msawwra fuq il-ħolqien tal-ġid,” saħaq Grrech. “Robert Abela ma qalilkomx settur wieħed li se joħloq. Ma ħalaqx ġid u mhux se joħolqu issa. Intom f’idejkom għandkom il-futur tagħkom.”

Robert Abela: Il-Prim Ministru għalaq id-dibattitu jisħaq li mill-ewwel ġurnata tal-kampanja, il-Partit Nazzjonalista ma kkritika l-ebda proposta li għamel il-Partit Laburista, waqt li tenna li l-proposti tal-PL huma ‘costed u ċċarati.”

“Kunu intom li tiddeterminaw il-futur ta’ dan il-pajjiż. Intom tiddeċiedu jekk tridux tieħdu dan il-pajjiż lejn il-passat jew lejn il-futur,” saħaq Abela waqt li insista li l-PN dejjem “beża’ mir-riformi.”

“Nifhem li żbalji saru. Sar ħafna tajjeb ukoll ukoll. Fadal ħafna x’nirriformaw. Se nibqgħu għaddejin bil-proċess tar-riformi. Fadal ħafna xi nwettqu,” kompla Abela. “Araw x’qed joffru ż-żewġ partiti u ddeċiedu ... ivvotaw għall-futur tagħkom.

More in Politika