Il-mexxejja tal-pajjizi membri fl-Unjoni Ewropea talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tissottometti l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna biex issir membru tal-Unjoni Ewropea. Madanakollu, ma kien hemm l-ebda impenn mill-istess mexxejja dwar it-talba tal-President Ukren għa sħubija immedjata.
Dan ħareġ waqt summit li sar fil-Palazz ta' Versailles u organizzat mill-President Franċiż Emmanuel Macron. Franza bħalissa għandha f'idha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
"L-Ukrajna għandha tkun parti mill-familja Ewropea," saħaq il-Kunsill fi stqarrija.
Stati bħal-Latvja kienu favur sħubija immedjata, iżda l-Prim Ministru Olandiż, Mark Rutte insista li dan mhuwiex possibbli.
"L-Olanda hija spalla ma' spalla mal-Ukrajna imma sħubija immedjata mhijiex possibbli," insista Rutte.
Il-mexxejja kienu mistennija wkoll jaqblu biex iżidu l-finanzjament u l-koperazzjoni militari u biex ftit ftit, l-Ewropa ma' tibqax' tiddependi mir-riżorsi Russi għall-enerġija.
Madanakollu, pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Italja, l-Ungerijia u l-Austrija, li huma l-aktar dipendenti fuq l-importazzjoni tas-sorsi tal-enerġija mir-Russja, għadhom mhux lesti li jinqatgħu għal kollox mir-Russja b'mod immedjat.
Is-summit sar hekk kif ir-Russi qed ikomplu jżidu l-attakk tagħhom fuq l-Ukrajna. Fl-aħħar jiem, fil-belt ta' Mariupol, intlaqat sptar tat-tfal u tliet persuni spiċċaw maqtula.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen iddeskriviet dan l-attakk bħala "atroċità" u saħansitra qalet li dan jista' jammonta għal "reat ta' gwerra."
Fid-diskors tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza li l-Ewropa żżid id-difiża u anke t-teknoloġija innovattiva biex, fi kliemha, tinbena "Unjoni vera tas-Sigurtà u d-Difiża" li tkun tista' tilqa' għat-theddid.