Il-Prim Ministru Robert Abela qal li d-delegazzjoni mill-FATF se tkun qed iżżur Malta f’April li ġej.
Abela kien qed jitkellem waqt attività fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid bħala parti minn sensiela ta’ diskussjonijiet organizzati għal żmien il-kampanja elettorali.
Ftit tal-jiem ilu, il-Financial Action Task Force (FATF) kien qal li Malta lestiet ħafna mill-pjan ta’ azzjoni tagħha biex tindirizza dawk in-nuqqasijiet li spiċċaw poġġewha fil-lista l-griża.
Id-delegazzjoni se tkun qed tiġi biex tara u tanalizza dan il-progress bil-għan li tittieħed deċiżjoni dwar jekk Malta għandhiex tibqa’ fuq din il-lista.
“Jiena mhux se nirrepeti l-iżbalji ta’ ħaddieħor u ngħid li noħorġu mil-lista l-griża fi żmien tliet xhur,” saħaq Abela waqt li insista li għalkemm il-kummenti tal-FATF huma pożittivi, se jibqa’ kawt.
Fil-fatt, il-Prim Ministru qal li Malta se tkun qed taħdem biex tikkonvinċi lill-FATF li 85 riforma li daħlu fis-seħħ fl-aħħar xhur huma biżżejjed biex f’Ġunju, meta terġa' titlaqqa' l-plenarja, tittieħed id-deċiżjoni biex Malta ma tibqax fuq il-lista l-gżira.