Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qiegħed isaħħaħ is-servizz pubbliku u jassigura li jerġa’ jkun hemm il-ħiliet u t-talenti kollha neċessarji, għax fi kliemu, dawn ingħataw il-ġenb minħabba li s-settur pubbliku “spiċċa miżgħud bil-persons of trust.”
“Wiegħduna l-meritokrazija u mtlejna bin-neputiżmu,” saħaq Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha wiegħed pagi aħjar għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku u miżuri li jassiguraw aktar bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Fi kliemu, is-servizz pubbliku għandu jservi ta’ eżempju għal dak privat.
Fil-fatt, fost oħrajn, il-Kap Nazzjonalista wiegħed reviżjoni u anke titjib tal-iskali u l-pagi tal-ħaddiema kollha tal-Gvern biex dawn ikunu jirriflettu aħjar ix-xogħol li jsir u jkun attirat l-aqwa talent lejn is-servizz pubbliku.
“Minflok il-miljuni li qed jitberbqu bħalissa għas-salarji esaġerati tal-pożizzjonijiet inutli ta’ fiduċja, għan-nefqa diskrezzjonali u għad-direct orders ta’ inkarigi esterni żejda, se nagħtu allowance lill-frontliners kollha, fosthom lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, dawk fl-oqsma soċjali, lill-edukaturi, u lill-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati bħala bonus annwali ekwivalenti għas-salarju ta’ erba’ ġimgħat tal-impjegat rispettiv,” kompla jwiegħed Grech.
Wiegħed ukoll sena paga eżenti mit-taxxa, lill-ħaddiema tas-settur pubbliku li jirtiraw meta jilħqu l-pensjoni tal-età. Fi kliemu din tidħol b’effett immedjat u wkoll tassigura li jkunu attirati l-aqwa nies lejn is-settur pubbliku.
Biex ikunu inċentivati l-ħaddiema biex iżidu l-effiċjenza, Grech saħaq li se jkun implimentat ukoll perfomance bonus li sa issa japplika biss għal ftit nies f’ċertu pożizzjonijiet.
Dawk il-ħaddiema li jkompli jitħarrġu, taħt Gvern Nazzjonalista se jingħataw punti skont it-taħriġ, liema punti jservu bħala bażi f’każ ta’ promozzjonijiet jew proċessi ta’ għażla.
Insista li din ir-riforma fis-servizz u fis-settur pubbliku se tkun elevata fuq livell ministerjali.
“Il-politika tal-outsourcing imħaddma mill-Gvern se tinbidel biex attivitajiet li huma fiċ-ċentru tal-operat tal-Gvern ma’ jibqgħux ikunu sors ta’ diskriminazzjoni sponsorjata mill- gvern. Taħt l-ebda ċirkostanza mhu ser jibqa’ jiġi aċċettat li ħaddiema jagħmlu l-istess xogħol u ma’ jitħallsux fuq bażi simili. Il-kunċett ta’ equal pay for equal work ser jitħaddem l-ewwel fl-entitajiet tal-gvern biex iservi ta’ mudell,” kompla jwiegħed Gvern.
Wiegħed miżuri li jidħlu fis-seħħ fl-ewwel sitt xhur ta’ Gvern ġdid li jżidu aktar il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja, b’miżuri li jżidu aktar it-teleworking u r-remote-working. Fil-fatt, qiegħed iwiegħed minimu ta’ ġurnata telework/remote-work u massimu ta’ erbat ijiem fil-ġimgħa għal Maltin u minimu ta’ jumejn għal Għawdxin li jaħdmu f’Malta.
Wiegħed ukoll aktar flessibbilità, b’mod partikolari fejn jidħol is-sick leave biex ikun jintuża mill-ħaddiema li jkunu jridu jieħdu ħsieb lil uliedhom li jkunu ma jifilħux jew inkella qraba anzjani morda.