Il-Papa wasal Malta... Il-President, l-Arċisqof u l-Ambaxxatur Malti fis-Santa Sede jitkellmu mal-ILLUM

'Diffiċli wieħed ibassar li bi żjara ta’ jumejn jissewwew jew jitjiebu immedjatament xi affarijiet li jinkwetaw lili, bħalma jinkwetaw li bosta oħra. Iżda impatt ser ikun hemm u hekk għandu jkun' - George Vella

Il-Papa wasal Malta mumenti ilu u wara ċ-ċerimonja tal-wasla fl-Ajruport issa sejjer il-Belt Valletta fejn ikollu laqgħa mal-awtoritajiet tal-pajjiż fil-Palazz tal-Gran Mastru. Il-Papa mistenni mbagħad joħroġ fil-gallarija tal-palazz fejn se jkun qed jingħata merħba miż-żgħażagħ. 

Ritratti/Filmat: papafrangisku.mt
Ritratti/Filmat: papafrangisku.mt

Waranofsinhar, il-Papa jitlaq bil-katamaran mill-Port il-Kbir lejn Għawdex. F’Għawdex se jmexxi laqgħa ta’ talb fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex. Qabel se jkun qiegħed jitlob fis-skiet quddiem il-Madonna ta’ Pinu. Minn hemm il-Papa jaqbad il-vapur ta’ Għawdex, għaċ-Ċirkewwa u jibqa’ sejjer in-Nunzjatura f’Tal-Virtù. 

Il-Ħadd filgħodu, wara laqgħa privata mal-Ġiżwiti fin-Nunzjatura, il-Papa se jżur il-Grotta ta’ San Pawl u se jmexxi mument ta’ talb. Fl-10.15am tibda l-Quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana, il-qofol taż-żjara.

Ritratti/Filmat: papafrangisku.mt
Ritratti/Filmat: papafrangisku.mt

Qabel iħalli Malti, il-Papa Franġisku se jżur l-immigranti fil-Laboratorju tal-Paċi ta’ Patri Dijonisju Mintoff f’Ħal Far. Dan mistenni jkun l-aktar mument sinifikattiv taż-żjara. Minn hemm il-Papa jmur l-Ajruport għaċ-ċ-ċerimonja tat-tluq. 

It-Tribuna f’Għawdex u ż-żebbuġ simbolu tal-paċi 

Quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu se ssir tribuna apposta fuq fuq disinn tas-Sur John Xerri. Din għandha tliet simboli ewlenin: 

Tliet mewġiet ta’ kulur blu fuq l-isfond abjad. Dawn huma parti essenzjali mill-Arma ta’ Għawdex u jirraffiguraw l-element tal- baħar  

Is-Salib li huwa ddisinjat b’erba’ kantunieri addizzjonali li jirraffiguraw l-erba’ Evanġelisti, li kitbiethom jixxandru mal-erbat irjieħ tad-dinja. Mill-erbat irjieħ tad-dinja ġejjin il-barranin li qed ifittxu bidu ġdid għal ħajjithom f’Għawdex. 

Wiċċ il-Madonna ta’ Pinu biex kollox iseħħ taħt il-ħarsien tagħha. Taħtha se titqiegħed siġra żgħira taż-żebbuġ, bħala sinjal tal-impenn u t-talb tal-komunità Nisranija lokali f’għaqda mal-Knisja kollha għall-paċi. 

It-Tribuna f’Malta: Ikona antika tal-Madonna li kienet meqjuma fis-Sirja 

It-tribuna tal-Fosos ġiet iddisinjata mid-direttur artistiku Carlo Schembri bil-kollaborazzjoni tal-Perit Joe Bondin li qed jieħu ħsieb l-istruttura tagħha. 

Id-disinn hu ispirat mill-forma tal-kurċifiss, biċ-ċirku u r-raġġi ħerġin minnu jirrappreżentaw l-Ewkaristija. Peress li ż-żjara tal-Papa se ssir fi żmien ir-Randan, il-kulur l-aktar prominenti se jkun il-vjola. Flok fjuri, it-tribuna se tkun imdawra b’fawna li nsibu f’Malta u li tissemma wkoll fil-Bibbja.  

Fin-nofs tat-tribuna se jkun hemm kurċifiss li jinsab fil-kappella tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana. Għall-quddiesa tal-Papa se jintużaw artal, ambone u sedja li kienu saru fis-snin tmenin mill-iskultur Malti Ġanni Bonnici, oriġinarjament għall-knisja tal-Mosta.  

Fil-ġenb tal-artal se jkun hemm ukoll l-ikona tal-Madonna ta’ Damasku tas-seklu 12, magħrufa bħala ‘Ta’ Damaxxena’, meqjuma fil-Knisja tal-Griegi Kattoliċi fil-Belt Valletta. L-ikona kienet meqjuma f’Damasku, is-Sirja u waslet Malta fl-1530. Wara r-Rebħa tal-Assedju l-Kbir fl-1565, il-Gran Mastru ta l-kappell u x-xabla tiegħu bħala offerta vottiva lill-Madonna ta’ Damasku.  

George Vella  | President tar-Repubblika ta' Malta
George Vella | President tar-Repubblika ta' Malta

George Vella – President ta’ Malta 

"Kif kulħadd jaf, din iż-żjara ilha mistennija b’ċertu ħerqa, għax kellha tiġi posposta minħabba l-imxija tal-COVID. Din se tkun ir-raba’ Żjara Appostolika f’pajjiżna, bl-aħħar waħda tkun dik tal-Papa Ratzinger fl-2010. Wara tnax il-sena, naħseb illi l-Poplu Malti u Għawdxi kienu ilu mixtieq għal żjara ta’ din l-importanza, kemm statali kif ukoll reliġjuża. Il-pajjiż ra ħafna tibdil, anki fil-komunità u f’dak li nsejħulhom valuri tradizzjonali. Iżda ninsab ċert li kull Malti u Għawdxi, kif ukoll dawk barranin fostna, se jagħrfu l-valur ta’ din iż-żjara. Dan mhux biss minħabba r-rabtiet storiċi bejn Malta u s-Santa Sede iżda iktar u iktar minħabba l-għożża u r-rispett li dejjem gawda minnu l-Papa Franġisku għall-prinċipji li jħaddan u l-umiltà li biha jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.

Ritratti/Filmat: papafrangisku.mt
Ritratti/Filmat: papafrangisku.mt

Diffiċli wieħed ibassar li bi żjara ta’ jumejn jissewwew jew jitjiebu immedjatament xi affarijiet li jinkwetaw lili, bħalma jinkwetaw li bosta oħra. Iżda impatt ser ikun hemm u hekk għandu jkun. L-ewwelnett, nixtieq li din iż-żjara tkun waħda li permezz tagħha il-poplu jingħaqad. Tafu kemm nisħaq fuq dan il-punt, u kemm anki proġetti konkreti għandi f’moħħi sabiex titkattar l-għaqda bejnietna. Naħseb li l-okkażjoni minnha nnifisha hija waħda ta’ ferħ li lkoll għandna bżonn wara sentejn ta’ pandemija. Forsi tkattar ukoll fina sens ta’ tama ġdida għall-ġejjieni b’inqas xkiel u sagrifiċċji li kellna nħabbtu wiċċna magħhom.

Jiena bħala President, u anki bħala sempliċi ċittadin nammira ħafna l-mod ta’ kif il-Qdusija Tiegħu jaħsibha u jitkellem dwar temi importanti bħalma huma l-ħarsien tal-ambjent, l-immigrazzjoni, id-diżarm, u l-paċi madwarna u naħseb li ser tkun okkażjoni tajba għalina lkoll biex nirriflettu fuq dawn it-temi, waqt u wara din iż-żjara."

Monsinjur Charles Scicluna | Arċisqof ta' Malta
Monsinjur Charles Scicluna | Arċisqof ta' Malta

Monsinjur Charles Scicluna – Arċisqof ta’ Malta 

"Nawguraw li ż-żjara tal-Papa fostna ma tkunx biss festa kbira ta’ kultura Nisranija antika li aħna kburin biha, imma wkoll laqgħa mar-Ragħaj tal-Knisja li ġej fostna bħala xandar tal-ħniena ta’ Alla, li jistedinna kontinwament induru lejn Ġesù Kristu u nisimgħu leħen Ġesù bħala l-leħen tal-aqwa u l-ikbar ħabib."  

Ritratti/Filmat: papafrangisku.mt
Ritratti/Filmat: papafrangisku.mt
Frank Zammit | Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede
Frank Zammit | Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede

Frank Zammit – Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede 

"Li Papa jiddeċiedi li jżur pajjiżna huwa bla dubju privileġġ kbir fuq Malta. Din iż-żjara setgħet isseħħ biss għar-rispett li Ruma għandha għall-Episkopat Malti kif ukoll għar-rispett li rebaħ il-President George Vella fil-Vatikan. Żjara tal-Papa tħalli wkoll ġid spiritwali bħal meta l-balzmu jaqa’ fuq il-ferita u jfejjaqha. Din iż-żjara se sseħħ wara diversi posponimenti u nikkonsidra li nbidlet f’waħda mill-aktar mumenti importanti fil-ħajja tal-Papa Franġisku tul il-Pontifikat tiegħu kollu. Din hija l-ewwel żjara Appostolika tal-Papa Franġisku ‘l bogħod mill-Italja wara l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna u li żviluppa fi Gwerra. Nistenna li l-Papa jkompli bl-appell tiegħu għall-paċi. Nixtieq li din iż-żjara tgħaqqadna aktar bħala aħwa Maltin u fuq il-livell politiku jkun hawn aktar rispet veritier. Li jżara tal-Papa ġġib qawmien spiritwali f’pajjiżna, kif ukoll isservi wkoll internazzjonalment biex ir-Russja u l-Ukrajna jersqu aktar viċin xulxin u jwaqqfu l-ġlied."

More in Politika