Il-liġijiet ġodda li taf tara ma’ wiċċha l-14-il leġislatura

Il-gazzetta ILLUM tħares lejn tliet kwistjonijiet li taħseb li se jkollhom emendi jew liġijiet ġodda marbuta magħhom: Il-qbiela, il-femiċidju u l-IVF. 

Issa li nafu min se jiggverna dan il-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin, ikun interessanti jekk inħarsu lejn dawk il-leġiżlazzjoni li Partit Laburista fil- Gvern se jaffaċja ma’ wiċċu.  

B’niċeċ ta’ persuni bħal bdiewa, koppji li qed isibuha diffiċli biex jirriproduċu u anke vittmi tal-vjolenza domestika jiddominaw il-manifesti elettorali, kien faċli biex l-ILLUM issib minn tal-inqas tliet sfidi li Gvern ġdid se jkollu jara li jaġixxi fuqhom kemm jista’ jkun malajr. 

Il-Qbiela: kwistjoni ta’ ‘meta se ssir’ mhux ‘jekk hux se ssir’ 

Għaddew tliet xhur minn meta l-ILLUM żvelat illi l-Ministeru li kellu Anton Refalo, dak tal-Agrikoltura, kien qed jaħdem fuq liġi ġdida tal-qbiela. Dan wara li l-bdiewa bdew jitkeċċew mill-art agrikola li jaħdmu mis-sidien tal-art, li ħafna drabi jkunu jridu ħlasijiet ħafna ogħla.  

Fil-manifest tiegħu l-Partit Laburista wkoll qal li se jirrevedi u jaġġorna l-liġijiet tal-qbiela sabiex “l-art agrikola tibqa’ tinħadem minn bdiewa u tipproduċi l-ikel, b’rispett lejn id-drittijiet tas-sidien tal-art u l-ħtieġa li l-kera tirrifletti ż-żminijiet tal-lum.” 

Dan hu l-famuż bilanċ li l-Partit Laburista ilu jisħaq fuqu dwar din il-kwistjoni. Fil-fatt l-MEP Laburista Alex Agius Saliba kien qajjem din il-kwistjoni fil-Parlament Ewropew. Il-ħsieb inizzjali tiegħu kien li “juża’ lil Parlament Ewropew biex jerġa’ jinħoloq bilanċ bejn il-bdiewa u s-sidien.”  

Il-Partit Laburista ma speċifikax meta se jkun qed jemmenda din il-liġi iżda x-xogħol beda’ u l-wegħda saret allura issa din hi kwistjoni ta’ meta u kif se ssir.  

Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista għalkemm fl-ebda kopja tal-manifesti kollha li ppreżenta ma kiteb dwar il-qbiela, il-ħsieb tiegħu dwar dan hu simili tal-PL. Anzi Edwin Vassallo, il-kelliem tal-Agrikoltura għall-PN mal-ILLUM kien qal li mhux talli jaqbel talli ma jistax jifhem kif il-Gvern dam daqshekk. 

Biex ngħidu kollox trid tkun mhux intiż fl-agrikoltura jew inkella fis-sħab biex ma tindunax bil-problema tal-qbiela. Ejja inkunu realistiċi, mhux vijabbli li sid jitħallas €50 fis-sena ta’ ħames tomniet art meta jista’ jikriha għal picnics u jaqla’ €236 f’xahar. Imma lanqas hu ġust li bidwi jħallas €1,000 f’xahar għax is-sid iddeċieda li l-ammont preċedenti mhux biżżejjed. 

Fl-istess ħin, kienet il-famuża sentenza ta’ Pulis li vera ġibdet l-attenzjoni tan-nies u ġegħlithom jgħidu “hawn isma għandna problema.” Il-każ ta’ Nazzareno u Antonia Pulis kien meqjus bħala wieħed uniku hekk kif kien dan il-każ li beda’ dan kollu. Qabel il-liġi tal-qbiela kienet dejjem tiffavurixxi lill-bidwi iżda dan il-każ fetaħ il-bieb sabiex numru ta’ bdiewa jiġu żgumbrati. Nazzareno u Antonia Pulis kienu bdiewa f’art bil-qbiela f’Ħaż-Żabbar. Is-sid tal-art, J&C Properties, rebaħ każ kontra l-Avukat Ġenerali wara li argumenta li l-liġi preżenti kienet qed tmur kontra d-dritt fundamentali tiegħu li jgawdi artu. 

Għaddiet sena minn dak il-każ u wara sensiela ta’ artikli minn din il-gazzetta u anke editorjal li ħa pożizzjoni dwar il-kwistjoni, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha ċaħdet kawża għax-xoljiment ta’ qbiela ppreżentata minn sid ta’ għalqa fil-Qrendi, u ddeċidiet li l-liġi tal-qbiela eżistenti ħolqot bilanċ tajjeb bejn id-drittijiet tas-sidien u kerrejja. Fuq l-istess linja ta’ ħsieb tal-editorjal tal-ILLUM, l-Imħallef Wenzu Mintoff iġġustifika d-diskrezzjoni wiesgħa tal-Istat biex jiżgura li s-settur agrikolu ma jmurx minn taħt. 

Bis-sentenza ta’ Mintoff il-miżien “reġa’ żbilanċja” u għalhekk issa wasal iż-żmien li l-Gvern jaqbad il-barri minn qrunu minflok inħallu l-maġistrati jiddeċiedu l-futur tal-bdiewa. Tajjeb li nfakkru illi Agius Saliba kien żvela mal-ILLUM kif studju mill-Kumitat Agrikolu tal-Parlament Ewropew dwar l-art agrikola f’pajjiżna juri biċ-ċar illi l-valur kummerċjali ta’ kull tomna art agrikola f’Malta bħalissa jlaħħaq bejn €80,000 - €85,000. Dan filwaqt li l-valur agrikolu ta’ kull tomna art, kieku dik it-tomna art ma ma tiġix spekulata iżda tintuża għall-agrikoltura, tiswa' biss €22,000. 

Il-biża tal-NGOs li l-introduzzjoni tal-femiċidju fil-kodiċi kriminali qabel l-elezzjoni kienet biss “mossa kosmetika” 

Studju ta’ Fem-United dwar femiċidji f’Malta għamilha ċara daqs il-kristall li l-maġġoranza tal-femiċidji f’pajjiżna huma riżultat ta’ vjolenza domestika. L-istess studju jgħid li fuq medda ta’ 10 snin, il-każijiet irrappurtati ta’ vjolenza domestika żdiedu fin-numru, minn 848 għal 1,645. Allura tifimha li organizzazzjonijiet, b’mod partikolari dawk li jiġġieldu għad-drittijiet tan-nisa bħal Womens Rights Foundation u Moviment Graffitti, jinkwetaw. 

Issa biex niċċaraw l-isudju jikkjarifika li ż-żieda allarmanti fil-każijiet rappuratati ta’ vjolenza domestika hi kawża ta’ żewġ fatturi: iż-żieda tal-popolazzjoni u ż-żieda ta’ għarfien fost il-popolazzjoni ġenerali, li jwassal għal aktar nies jirrappurtaw. Dan ifisser li mhux bilfors qed jiżdiedu l-abbużi taħt is-saqaf tad-djar tagħna. 

Għal darba oħra l-ILLUM donna qrat il-futur għax propju ġurnata qabel ma ġie ddikjarat mill-Prim Ministru Robert Abela li l-Kodiċi Kriminali ta’ Malta se jkun qed jara l-introduzzjoni tal-kunċett tal-femiċidju, Lara Dimitrijevic tkellmet propju dwar dan ma’ dan il-ġurnal. 

L-avukata kienet qalet li jeħtieġ li dan il-pass isir sabiex “nwasslu messaġġ ċar u tond li dan huwa tip ta’ qtil, atteġjament, vjolenza li mhux aċċetata fis-soċjetà tagħna.”  Qalet ukoll mal-ILLUM li l-edukazzjoni mhux dejjem hi biżżejjed. 

Li ma qalx il-Gvern u l-Partit Laburista fl-ebda ħin, sakemm ġie mistoqsi minn ġurnalista tal-ILLUM f’djalogu li seħħ ġewwa l-MCAST hu li mal-waqfa tat-13-il leġiżlatura, dan l-abbozz ta’ liġi waqa’. Din mhux kulħadd kien informat dwarha, l-iktar meta tiftaħ il-manifest elettorali tal-PL fuq il-paġna 234 u tara il-frażi “wettaqna diversi riformi legali ... inkluż it-tibdil riċenti li jirrikonoxxi l-femiċidju fil-Kodiċi Kriminali.”  

Fil-verità il-femiċidju għadu mhux rrikoxxut fil-liġi u jitla’ min jitla’ fil-Gvern jrid jerġà jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra biex jgħaddi dan l-abbozz. Minkejja li fl-istess dibattitu il-Kandidata u s-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli qalet li PL fil-Gvern se jdaħħal dan l-abbozz fl-ewwel 100 jum fil-Gvern, bosta persuni mis-soċjetà ċivili jibżgħu li din hi biss “mossa kosmetika” biex il-partit jiġbed l-vot tan-nisa.  

Il-kwistjoni tal-IVF: Tispiċċa ballun politiku bil-koppji fil-bżonn jiżfnu fin-nofs 

Ejja ninsew għal mument li l-kwistjoni tal-IVF spiċċat qisha logħba futbol bil-ħin addizzjonali, penalties inklużi u anke b’karta ħamra min-naħa tal-PN. Iż-żewġ Partiti kbar qablu li se jsiru emendi fil-liġi tal-IVF issa jekk jitlax il-blu jew jitlax l-aħmar l-emendi ġew imwegħda. 

Min-naħa tal-PN wiegħed li dawk kollha eliġibbli għas-servizz tal-IVF ser ikollhom il-proċess kollhu kopert bla ħlas, inkluż it-trattament, il-faċilitajiet, il-konsultazzjonijiet u l-mediċini kollha neċessarji. “Fil-każ li jkun hemm bżonn kliniku li t-trattament isir barra minn Malta, dan jiġi kopert taħt il-mekkaniżmi viġġenti tat-trattament barra minn pajjiżna,” jgħid il-manifest tal-PN.  

F’xi punt fil-kampanja Bernard Grech wiegħed li PN fil-Gvern iġib speċjalista tal-IVF permanenti f'Malta. Hawn fejn daqqet is-suffara u ħarġet karta ħamra għax ftit jiem wara tkellem fil-programm ‘Awla’ Ginekologu u Espert fl-IVF Mark Sant u lil Grech waqgħu għaċ-ċajt. 

Sant qal illi kien sorpriż ħafna bil-wegħda ta' Bernard Grech li jġib speċjalista tal-IVF permanenti f'Malta meta f'pajjiżna diġà hawn tlieta u dawn ilhom hawn mill-inqas tliet snin jaħdmu f'pajjiżna.  

Hawn fejn il-Partit Laburista qabad il-ballun f’saqajh u ġera. Fil-manifest tiegħu il-PL wiegħed li se titwessa' x-xjenza biex jiġu mgħejjuna koppji li sofrew, temmew ċikli tal-IVF jew li għandhom storja ta' kumplikazzjonijiet. Dan filwaqt li sseħħ estensjoni tal-IVF biex koppja jkollha it-tieni wild ukoll. Fakkar ukoll li l-Gvern diġà ħabbar li se jingħataw mediċini tal-IVF mingħajr ħlas minn Jannar li għadda. 

More in Politika