Il-Kap kontroversjali ta' Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi bin-notice

Azzopardi sostna illi kien ilu jindika li jrid jitlaq minn Diċembru iżda l-Gvern talbu biex jibqa' sal-elezzjoni

Il-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta Frederick Azzopardi se jitlaq mill-aġenzija fil-ġimgħat li ġejjin wara li kien ilu jmexxi l-istess IM għal dawn l-aħħar erba' snin. 

Azzopardi ikkonferma mas-sit ta' MaltaToday li hu kien ilu li indika li jrid jitlaq minn Diċembru iżda l-Gvern talbu biex jibqa' sal-elezzjoni. Huwa saħħaq mal-istess sit li kien wasal iż-żmien li jimxi 'l quddiem u jħalli l-Infrastructure Malta warajh li ilu jmexxi minn meta ġiet imwaqfa lura fl-2018.

Infrastructure Malta twaqqfet fl-2018 biex twettaq wegħda elettorali li tirrevedi n-netwerk tat-toroq ta’ Malta bil-baġit ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin. Il-proġetti tat-toroq kienu jvarjaw minn toroq residenzjali għal arterji ewlenin. Uħud mill-aktar proġetti sinifikanti ta' Infrastructure Malta kienu jinkludu il-junction tal-Marsa u l-underpass ta’ Santa Luċija.

Għaldaqstant l-aġenzija sabet ruħha attakkata minn attivisti ambjentali, residenti u organizzazzjonijiet f'iktar minn okkażjoni waħda. Dan minħabba proġetti li ħadu art agrikola u wasslu biex is-siġar jinqalgħu, ġieli allegatament mingħajr permess. Azzopardi ta’ spiss kien akkużat ukoll b'attitudni sfaċċata u arroganza meta kien jitkellem mar-residenti u l-attivisti li kienu kontra l-pjanijiet tal-IM.

Fost l-iktar kontroversjali hemm it-triq il-ġdida li nbniet f'Ħad Dingli. Dan seħħ sena ilu meta saħansitra attivisti, residenti u bdiewa marru jwaqqfu x-xogħlijiet ta' Infrastructure Malta f'Ħad-Dingli. Dakinhar huma allegaw illi Infrastructure Malta kompliet tibni triq f’ODZ, fuq raba’ maħdum, "fejn permessi ma jeżistux."

Matul is-snin pero' l-aġenzija ddefendiet ruħha billi saħqet li r-reviżjoni tan-netwerk tat-toroq kienet meħtieġa biex it-toroq isiru aktar sikuri u titnaqqas il-konġestjoni. 

More in Politika