Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qabel unanimament dwar il-proċeduri li bihom se tkun qed timxi l-elezzjoni għall-Kap.
Kif żvela dan is-sit, il-proċess se jibda nhar il-Ħadd li ġej bl-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali.
Fil-fatt, l-Eżekuttiv iltaqa' biex jiddeċiedi ż-żmien li fih se tkun qed issir l-elezzjoni, inkluż meta se jinfetħu n-nominazzjonijiet. L-elezzjoni għall-Kap trid issir bilfors hekk kif il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni.
Wara li jiġu sottomessi n-nominazzjonijiet, ikun hemm dak magħruf bħala l-vetting tal-kandidati u mbagħad ikun hemm ukoll perjodu li fih il-kandidati jkunu jistgħu jikkampanja.
It-tul ta' dan il-proċess jiddependi minn kemm se jkun hemm kandidati. Sa issa huwa Bernard Grech li qal li se jerġa' jikkontesta biex jikseb mandat b'saħħtu biex jibqa' kap. Jekk ikun il-każ, il-vot ma jmurx quddiem it-tesserati imma jivvotaw biss il-kunsilliera. Jekk ikun hemm żewġ kandidati biss, il-vot imur minnufih quddiem it-tesserati.
Jekk ikun hemm aktar minn żewġ kandidati, l-ewwel isir vot quddiem il-Kunsill Ġenerali u l-aktar tnejn li jġibu voti, imorru mbagħad għall-vot tat-tesserati.
Il-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd li ġej se jkun indirizzat mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN, Peter Fenech, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u l-Kap tal-PN Bernard Grech.