Skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-użu ta’ servizzi marbuta mal-vjolenza domestika fl-2020 żdied b’14% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
L-NSO spjegat kif fl-2020, 2,919-il persuna għamlu użu mis-servizzi relatati mal-vjolenza domestika. 79% ta’ dawk li għamlu użu minn dawn is-servizzi kienu nisa.
Is-servizzi l-aktar popolari baqgħu dawk offruti mill-Aġenzija Appoġġ u anke mid-dipartiment tal-Pulizija li jinvestiga dawn il-każi. B’kollox, il-Pulizija rċeviet 1,820 rapport matul is-sena li għaddiet.
Aktar min-nofs il-każi li spiċċaw quddiem dawn is-servizzi kienu jinvolvu persuni li għandhom aktar minn 40 sena. Madwar 87% tal-każi kienu jinvolvu Maltin.
L-istess stastistika turi wkoll kif 90% tal-każi rreġistrati s-sena li għaddiet mix-xelters u anke mid-dipartiment tal-Pulizija huma ta’ persuni li esperjenza vjolenza fiżika.
Meta wieħed iħares lejn is-servizzi offruti lil dawk li wettqu l-vjolenza domestika, tul l-2020, 153 persuna fittxew l-għajnuna. 145 kienu rġiel u tmienja kienu nisa.