Il-Ministru tal-Finanzi jħabbar riforma fil-qasam tat-taxxa għal kumpaniji barranin

Is-sistema vantaġġjuża ta' taxxa li permezz tagħha kumpaniji barranin jibqgħu joperaw barra minn Malta imma jħallsu t-taxxa hawnhekk tinsab taħt attenzjoni qawwija mill-Kummissjoni Ewropea, fost oħrajn

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana
Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana

Ir-rata Maltija ta' taxxa għall-kumpaniji (Corporate Tax)  - taħt ħafna attenzjoni ewropea, speċjalment minn pajjiżi kbar - se tkun qed tgħaddi minn riformi kbar li se jkunu adottati fis-sena 2025. Dan ħabbru l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana illum, hekk kif dan ir-reġim ta' taxxa vantaġġjuż kien ifisser illi filwaqt li ħafna kumpaniji joperaw f'pajjiż ieħor fejn iħaddmu l-maġġoranza tan-nies jiftħu uffiċċju f'Malta jew jiftħu operat żgħir hawnhekk biex minflok iħallsu r-rata ta' taxxa vantaġġjuża ta' Malta, permezz ta' rifużjonijiet qawwijin. 

Din l-istqarrija ta' Caruana tindika bidla fid-direzzjoni fuq din il-kwistjoni sa' mis-snin 90 meta kienu bdew jikbru s-servizzi finanzjarji tal-pajjiż b'Caruana jgħid iżda li dan ir-reġim il-ġdid huwa lest u qed jgħaddi minn testijiet sabiex ikun assigurat li kemm jista' jkun il-Gvern ma jiffaċċjax tnaqqis fid-dħul tiegħu. 

Huwa qal ukoll li dan ir-reġim ġdid ta' taxxa kien maqbul mal-istakeholders kollha u huwa risposta għas-sinjali kollha li Malta ilha tirċievi mill-Kummissjoni Ewropea u enititajiet barranin. 

Meta r-Renju Unit ħareġ mill-UE Malta tilfet prattikament l-akbar u l-iktar alleat b'saħħtu fuq din il-kwistjoni u l-armonizzazzjoni tat-taxxa għall-kumpaniji. 

Caruana ma qalx x'inhuma r-rati l-ġodda iżda sostna li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun ippubblikata l-proposta għall-konsultazzjoni pubblika. Huwa qal ukoll illi l-Gvern se jkun qed jikkonsulta lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, 

Caruana qal biss iżda illi l-Gvern qed iħares lejn sistema li tmur lilhinn minn dik preżenti u li tippermetti illi kumpaniji barranin jieħdu lura rifużjonijiet kbar bir-rata ta' taxxa effettivament tkun 5%. 
 

More in Politika