Matul il-jum tas-Sibt ġewwa Malta u Għawdex kompliet l-elezzjoni ta' konferma tal-Mexxej u d-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista.
L-elezzjoni ta' konferma li ssir wara kull elezzjoni ġenerali, bdiet propju wara il-plenarja tal-Konferenza Ġenerali li ingħata bidu għaliha lbieraħ. Fost diskorsi oħra tkellem ukoll il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela illi talab għall-umiltà u l-għaqda minkejja l-maġġoranza fil-voti miksuba fl-aħħar elezzjoni.
“Aħna rridu li l-Partit Laburista jibqa’ b’saħħtu mhux biex niftaħru b’kemm ġibna maġġoranza, iżda biex fuq kollox intejbu għall-aħjar il-ħajja tal-Għawdxin u l-Maltin kollha,” qal Abela.
Wara l-plenarja, delegati tal-Partit Laburista kellhom iċ-ċans jivvotaw għall-konferma tal-Mexxej u taż-żewġ Deputati Mexxejja, billi jagħżlu biss IVA jew LE. B'kollox id-delegati jkollhom tliet poloz tal-vot: Waħda għal konferma tal-Prim Ministru Robert Abela, oħra tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament Chris Fearne u l-aħħar waħda tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Daniel Micallef.
Fil-każ ta' Malta l-votazzjoni tkun miftuħa wkoll illum bejn id-9:00am u l-17:00pm filwaqt li ġewwa Għawdex il-votazzjoni tkun miftuħa mill-10:30am sas-14:00pm.
Il-Konferenza Ġenerali se tagħlaq bl-attività tal-1 ta’ Mejju fi Pjazza Kastilja ġewwa l-Belt Valletta, fejn għall-ewwel darba fi tliett snin il-pjazza se tilqa' l-poplu biex jiċċelebra fiżikament Jum il-Ħaddiem.