Mara tingħata daqqiet ta' sikkina waqt argument f'Ta' Xbiex

Il-każ seħħ għall-ħabta tan-nofsiegħa fi Triq Testaferrata

Mara ta' 47 sena ddaħlet l-isptar wara li weġġgħet f'argument ma' mara oħra fi Triq Testaferrata, Ta’ Xbiex.

Il-każ seħħ għall-ħabta tan-nofsiegħa, matul il-lejl li għadda.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li seħħ argument bejn żewġ nisa, waħda ta’ 47 sena residenti Birkirkara u oħra li ħarbet minn fuq il- post.

Jidher li waqt l-argument intużat arma li taqta’ u bil-ponta.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanza ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei, fejn ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Politika