Tkabbir rekord fir-reġistru tal-avjazzjoni; 665 ajruplan irreġistrati f’Malta

Il-Ministru Aaron Farrugia saħaq li dan is-settur huwa importanti għal Malta għax jistimula t-tkabbir ekonomiku u jipprovdi opportunitajiet ta’ xogħol.

665 ajruplan huma reġistrati f’Malta, li jfisser tkabbir ta’ 500% matul l-aħħar għaxar snin. 

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti wkoll iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joe Bugeja u d-Direttur Ġenerali għad-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili, il-Kaptan Charles Pace.

“Minkejja l-impatt tal-pandemija, in-numru ta’ ajruplani rreġistrati f’Malta u n-numru ta’ kumpaniji li jġibu n-negozju tagħhom lejn pajjiżna fil-fatt komplew jikbru. Il-fattur sottostanti huwa s-saħħa u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’dan is-settur, l-impenn tal-gvern, kif ukoll il-ħidma eċċellenti tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili (CAD) fi ħdan Transport Malta,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Farrugia insista li s-suċċess f’dan il-qasam huwa riżultat ta' diversi fatturi fosthom ir-reputazzjoni, is-sostenibbiltà, l-effiċjenza u l-innovazzjoni. Spjega li ż-żieda fin-numru ta’ ajruplani reġistrati hija fiha nnifisha sinjal ċar ta’ fiduċja minn numru sostanzjali ta’ kumpaniji li jaraw lil Malta bħala l-post fejn jikkonsolidaw u jespandu l-operat tagħhom.

Hu qal li dan it-tip ta’ investiment barrani dirett huwa importanti għal Malta peress li jistimula t-tkabbir ekonomiku u jipprovdi opportunitajiet ta’ xogħol.

Il-Ministru wiegħed li se jaħdem biex titnaqqas burokrazija għax insista li r-reputazzjoni tajba fis-settur hija essenzjali.

“Bosta qalulna wkoll li Malta hija l-ġurisdizzjoni ppreferuta fl-Ewropa, aktar minn ġurisdizzjonijiet li huma ħafna akbar. Iżda dan it-tkabbir jeħtieġ li jkun sostenibbli, kemm fiskalment kif ukoll mill-aspett ambjentali, hekk kif inkomplu nimbuttaw lil pajjiżna lejn tranżizzjoni ekoloġika mingħajr ma nxekklu l-konnettività tagħna, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-prodott turistiku tagħna,” temm jisħaq il-Ministru.

More in Politika