Jissokta l-proċess għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif il-Kummissjoni Kandidati tal-Partit qalet li sabet lil Bernard Grech 'idoneju' għall-kariga ta' Kap.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li lbieraħ filgħaxija ċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalist Colin Bowman bagħat ir-rapport ta’ due dilligence dwar Dr. Bernard Grech lill-Kummissjoni Elettorali u lill-Kunsill Amministrattiv skont kif jitlob l-istatut tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kummisjoni kandidati qalet li sabet li "abbażi tat-tweġibiet mogħtija lill-Kummissjoni minn Bernard Grech, il-Kummissjoni tikkonferma li ssib lil Bernard Grech idoneju li jikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista."
Għalhekk, il-Kummissjoni Elettorali qed tiftaħ il-perjodu ta’ proċess ta’ nominazzjoni li fih Bernard Grech jista’ jitfa’ n-nomina uffiċjali għall-elezzjoni tal-Kap tal-PN.
Din trid tkun sekondata minn tliet deputati, ħames kunsilliera lokali, għaxar membri tal-eżekuttiv, 50 membru tal-kunsill ġenerali u 50 tesserat tal-Partit Nazzjonalista hekk kif jitlob l-istatut.
Minn hemm tkun tista' tibda l-kampanja elettorali ta' Grech. Hekk kif kien Bernard Grech biss li wera l-interess li jikkontesta għal din il-kariga, mhux se jkunu t-tesserati li jivvotaw għalih iżda l-vot se jkun wieħed sigriet li jittieħed fil-Kunsill Ġenerali.
Sa issa għadu mhux magħruf meta se tkun qed issir din il-votazzjoni.
Dakinhar li l-PN tilef bi kbir l-elezzjoni ġenerali, Grech mill-ewwel qal li se jkun qed jitlob "mandat b'saħħtu" biex jibqa' jmexxi l-Partit Nazzjonalista.
Fid-diskors li ta bidu għal dan il-proċess, Grech kien ta elenku tal-problemi li għandu l-Partit Nazzjonalista, fosthom id-dejn li jammonta għal €32 miljun.