Papa Għawdxi? Il-Kardinal Grech meqjus bħala 'Papabile' għall-konklavi li jmiss

Analiżi minn The Times of London tisħaq li l-Kardinal Grech, meqjus bħala konservattiv, kapaċi jġib voti anke minn dawk il-Kardinali li huma aktar progressivi u dan għax Grech huwa viċin ħafna tal-Papa Franġisku u t-tagħlim tiegħu

Il-Kardinal Malti, Mario Grech, qed jissemma fost numru żgħir ta’ Kardinali favoriti bħala suċċessuri ideali tal-Papa Franġisku.

Hekk kif fl-aħħar ġimgħat żied it-tħassib dwar saħħet il-Papa, anke minħabba problemi fl-irkoppa li wassluh biex juża s-siġġu tar-roti u anke biex iħassar ċertu appuntamenti, bdew l-ispekulazzjonijiet dwar min jista’ jkun il-Papa li jmiss.

Isem il-Kardinal Grech kien imniżżel f’analiżi minn The Times of London. F’din l-analiżi, il-gazzetta tkellmet ma’ diversi Vatikanisti li saħqu kif il-konklavi li jmiss se jkun “battalja” bejn il-forzi konservattivi u dawk aktar progressivi.

Fil-fatt, il-gazzetta tgħid li l-Kardinal Grech, li huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, huwa meqjus bħala konservattiv imma fl-istess ħin huwa viċin ħafna tal-Papa Franġisku u t-tagħlim tiegħu u għaldaqstant, f’konklavi, kapaċi jġib voti miż-żewġ naħat.

Apparti l-Kardinal Grech jissemmew Kardinali oħra. Bħala Kardinali popolari mal-konservattivi hemm il-Kardinal Ungeriż Peter Erdo, espert fil-liġi kanonika. Miegħu hekk ukoll il-Kardinal Wim Eikj u l-Kardinal Kanadiż Marc Ouellet.

Mill-banda l-oħra, il-Kardinali favoriti ma’ dawk meqjusa aktar progressivi hemm il-Kardinal Pietro Parolin, l-id il-leminija tal-Papa Franġisku u anke l-Kardinal Filippin Luis Tagle.

Kardinal ieħor popolari huwa l-Arċisqof ta’ Bolonja Matteo Zuppi li huwa magħruf għas-sempliċità tiegħu. Bħal Grech, l-analiżi tgħid li Zuppi jaf ikun popolari kemm mal-Kardinali Konservattivi imma anke ma’ dawk li huma viċin aktar tal-Papa Franġisku.

B’kollox, sa issa, hemm 117-il Kardinal li għandhom inqas minn 80 sena u li allura huma eliġibbli biex jivvotaw f’konklavi. Minn dawn, 67 inħatru mill-Papa Franġisku, 38 mill-Papa Benedittu u 12 saru Kardinali fi żmien il-Papa San Ġwanni Pawlu II.

More in Politika