Żagħżugħ ta' 28 sena kellu jiddaħħal Mater Dei wara li weġġa' waqt argument li seħħ ilbieraħ filgħaxija fil-bajja tal-Għadira.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-8:30pm meta l-Pulizija rċeviet rapport li kien hemm bżonn l-għajnuna tagħha.
Meta waslet, il-Pulizija sabet liż-żagħżugħ ferut. Jidher li ż-żagħżugħ min-Nepal kellu argument ma' raġel ieħor li ħarab minn fuq il-post.
Jidher li waqt l-argument intużat ġebla.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.