Il-Ministeru għas-Saħħa ma jridx jirreaġixxi dwar xniegħat li f'Malta nstab l-ewwel każ tal-ġidri tax-xadini (Monkeypox).
Paġni fuq Facebook qed jgħidu li f'Malta ġie kkonfermat l-ewwel każ tal-Monkeypox u li l-awtoritajiet se jkunu qed iħabbruh dalwaqt.
Dan is-sit minnufih bagħat jistaqsi lill-Ministeru dwar dan il-każ biex jikkonferma hux minnu, anke biex l-informazzjoni tkun ġejja minn sors uffiċjali u jingħataw aktar dettalji li jserrħu ras il-qarrejja u ma jinħoloqx paniku bla bżonn.
Madanakollu, il-Ministeru qal biss li mhux se jkun qiegħed iwieġeb mistoqsijiet simili dwar posts li jittellgħu minn ċertu persuni fuq Facebook.
X’inhu l-monkeypox?
Il-Monkeypox hija infezzjoni virali, li oriġinat mill-Kongo fl-Afrika u ġejja mill-istess familja tal-ġidri - magħrufa aħjar bħala ‘small pox’ (din hija kemmxejn differenti mill-ġidri r-riħ, jiġifieri iċ-chicken pox) - marda qattiela li ġiet eradikata madwar 40 sena ilu.
Din oriġinat minn Kongo fl-Afrika. Minkejja li fl-aħħar ġimgħat ġew irrapportati diversi każi fir-Renju Unit, fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, din ma ġietx skoperta riċentament iżda l-ewwel darba li ġiet dijanjostikata fuq l-umani kienet fl-1970. Oriġinarjament, din ġiet intraċċata u identifikata fl-1958 fuq xadina u għalhekk ingħatat l-isem ta’ Monkeypox. Dan ma jfissirx li din tiġi trasmessa mix-xadini.
Ġeneralment il-virus huwa wieħed ħafif u persuna tfieq wara ftit ġimgħat.