L-awtorità maltija responsabbli mill-embrijuni u l-IVF se tkun qed tħejji abbozz ta’ protokoll għad-dijanjosi preġenetika tal-embrijuni u dan wara konsultazzjoni mal-professjonisti biex jiġi stabbilit liema mard jista’ jiġi identifikat għall-għażla tal-embrijuni.
Fi kliem sempliċi, dan il-protokoll iwassal biex ġenituri prospettivi li jirrikorru għall-IVF, qabel l-implamntazzjoni, ikunu jistgħu jagħżlu dawk l-embrijuni li ‘jkunu ħielsa’ minn xi mard ereditarju.
Ħabbar dan, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar emendi li l-Gvern qed jipproponi għal-liġi tal-IVF, liema emendi se jkunu ppubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern.
Fost oħrajn, il-Ministru Fearne saħaq li dawn l-emendi se jkunu qed jippermettu li jiżdiedu ċ-ċikli tal-IVF għall-ġenituri prospettivi.
Spjega kif dawk il-koppji jew inkella nisa single li diġà għamlu użu mit-tliet ċikli li huma permessibbli bħalissa, se jkunu jistgħu wkoll japplikaw għal ċiklu addizzjonali.
Apparti minn hekk, fejn jidħlu ċ-ċikli ffinanzjati mill-istat, il-kriterji tal-intitolament għall-IVF se jiżdiedu wkoll għal żewġt itfal. Dan ifisser li persuni li diġà għandhom wild wieħed, kemm jekk b'mod naturali jew bl-IVF, se jkunu intitolati għal trattament b'xejn biex ikollhom it-tieni tarbija. Dan filwaqt li l-età tal-ommijiet eliġibbli se titla’ minn 42 sena għal 46 sena.
Il-Ministru Fearne spjega li l-ġenituri li ffriżaw l-embrijuni barra minn Malta wara l-2018 se jkunu jistgħu jitrasferixxu żewġ embrijuni lejn Malta għal kull ċiklu tal-IVF. Dan ifisser li dawn il-persuni mhux se jkollhom bżonn jitilgħu barra minn Malta għat-trattament.
Fearne spjega wkoll li l-emendi se jkunu qed jolqtu wkoll dak imsejjaħ bħala donazzjonijiet gamete. Bl-emendi l-ġodda min jiġi minn xulxin biż-żwieġ se jkun permess jagħmel donazzjonijiet gamete. Sa issa, dan ma kienx permess mil-liġi.