Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qed twissi dwar triq diffiċli ‘l quddiem hekk kif qed tkompli tiddiskuti ftehim settorjal l-ġdid mal-Gvern.
F’ittra mibgħuta lill-membri u li tqassmet ukoll lill-midja, l-MUMN qalet li qed tiddikjara tilwima industrijali u li qed tistenna lill-infermiera kollha biex isegwu d-direttivi meta dawn jinħarġu.
L-MUMN qed toġġezzjona għall-preżenza ta’ “konsulent” li tqabbad mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa biex ikun preżenti għal dawn id-diskussjonijiet. Fi stqarrija, il-Unjin qalet li qed tirrifjuta li tattendi laqgħat li jinkludu konsulenti politiċi.
Qalet ukoll li kwistjonijiet ewlenija li trid tiddiskuti u li huma relatati mal-pensjonijiet, inċentivi fiskali u anke s-sahra, qed ikunu injorati mill-Ministeru.
L-MUMN kompliet tgħid li l-proċess mistenni jkun wieħed iebes iżda saħqet li se tagħmel minn kollox biex ikun hemm ftehim settorjali “diċenti” għall-infermiera u l-qwiebe.
Fi kliemha, jekk ikun hemm ftehim settorjali diċenti, aktar hemm ċans li jiġu attirati aktar persuni biex jidħlu f’din il-professjoni.
Kien hawn li qalet li jekk it-talbiet tagħha mhux se jkunu indirizzati, se tkun qed toħroġ direttivi u saħansitra ħeġġet lill-membri biex jibqgħu jsegwu d-direttivi anke jekk jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni mill-Qorti.
Temmet tisħaq li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa qed jibqa’ jsemmi dejjem il-Qorti u l-mandati fil-laqgħat li qed ikollha miegħu.
“L-MUMN hija lesta għal kull ċirkostanza,” temmet tgħid il-unjin.