Il-Unjin tal-Pulizija wkoll qed titlob inkjesta indipendenti dwar il-każ ta' Iosfi Galea

Saħqet li mhux se tkun qed taċċetta l-ebda konklużjoni ta’ Bord li ma jkunx indipendenti jew jidher li hu indipendenti

Il-Malta Police Union (MPU) qed tħeġġeġ lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-Intern biex jaħtru “inkjesta propja u indipendenti,” li tinvestiga l-allegazzjonijiet li qed isiru b’rabta mal-Mandat ta’ Arrest Ewropew li ħareġ fil-konfront ta’ Iosif Galea.

Fi stqarrija, l-MPU saħqet li l-allegazzjonijiet li qed isiru kontra l-Korp huma “serji” u jista’ jkollhom riperkussjoni fuq diversi pulizija.

Għalhekk, l-MPU qed tgħid li l-Independent Police Complaint Board mhuwiex adegwat biex jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet għax il-liġi ma tagħtihx biżżejjed poteri biex iwettaq investigazzjoni sħiħa.

Kien għalhekk li ħeġġet biex ikun hemm inkjesta “indipendenti” li tkun tista’ tinvestiga kollox u anke tassigura li x-xhieda kollha tingħata taħt ġurament filwaqt li jkollha aċċess għad-dokumentazzjoni kollha.

Temmet tisħaq li mhux se tkun qed taċċetta l-ebda konklużjoni ta’ Bord li ma jkunx indipendenti jew jidher li hu indipendenti.

Talba simili għamlitha lbieraħ l-organizzazzjoni Repubblika.

Galea kien arrestat fi Brindisi fl-Italja meta kien fuq btala, fosthom mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Huwa kien imfittex fuq suspetti ta’ ħasil ta’ flus u l-Ġermanja kienet ħarġet Mandat ta' Arrest Ewropew kontrih aktar minn sena ilu.

Minkejja dan baqa' ma ġiex arrestat mill-Pulizija Maltija u tħalla jsiefer ukoll.

Sar magħruf ukoll, li Galea, għadda eluf ta' ewro f'kontijiet lill-eks Uffiċjal Tekniku tal-Malta Gaming Authority, Jason Farrugia u l-mara tiegħu Christine Farrugia. Dan ġie żvelat waqt ix-xhieda fil-Qorti kontra Farrugia u l-mara tiegħu li qed jiġu mixlija b'ħasil ta' flus, frodi u misapproprjazzjoni.​

More in Politika