Dewmien eseġerat biex jingħataw permessi tax-xogħol: Ħaddiema sfurzati jaħdmu illegalment

L-MEA u l-MHRA jgħidu li d-dewmien fil-permessi tax-xogħol għal ħaddiema barranin bħalissa hija 'problema serja'. Il-Ministru għat-Turiżmu jammetti li dan qed iwassal biex negozji ma jkunux jistgħu joperaw u jwiegħed azzjoni minnufih...

Id-dewmien biex joħorġu permessi għax-xogħol għal ħaddiema barranin qed iwassal biex ħafna minn dawn l-eluf ta' ħaddiema jispiċċaw jaħdmu u jitħaddmu bla permess, kemm għax huma jkunu diġà ġew Malta u allura jkunu jridu jsostnu il-kirja u ħajjithom u anke għax bħalissa d-domanda tant hi kbira li ħafna negozji għandhom bżonn kritiku li jdaħħlu l-ħaddiema. 

Joe Farrugia mill-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA) saħaq ma' din il-gazzetta illi s-sitwazzjoni hija "serja" u l-problema hija "immedjata u teħtieġ soluzzjonijiet immedjati", speċjalment fit-turiżmu. Tony Zahra mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) sostna illi din id-darba l-problema qed tinħass aktar minħabba l-eżodu qawwi ta' ħaddiema waqt il-pandemija. Dan wassal għal eżodu 'l kontra issa li tneħħew ir-restrizzjonijiet  bil-konsegwenza illi fejn qabel kien hemm bżonn 10 permessi ta' xogħol issa hemm bżonn 1,000, "u fl-Identity Malta hemm l-istess numru ta' ħaddiema llum, li kien hemm meta ridna nipproċessaw 10 permessi, mhux 1,000." 

Joe Farrugia (MEA)
Joe Farrugia (MEA)

Manager ta' lukanda ewlenija ta' ħames stilel ukoll ikkonferma din is-sitwazzjoni mal-ILLUM u qal illi l-lukandi kważi qed jibku għan-nies, "filwaqt li l-permessi ġieli sa erba' xhur qed jieħdu. Kif nistgħu naħdmu?" 
Minn naħa tiegħu Farrugia qal lil din il-gazzetta illi l-problema tiggrava l-aktar fit-turiżmu, "u min imexxi negozju f'dan is-settur issa jridhom lill-ħaddiema, mhux f'Ottubru."

Huwa qal illi d-dewmien ivarja minn erba' jew sitt ġimgħat, sa xhur sħaħ. 

Jipproponi li jintlaħaq ftehim ma' dawk li jħaddmu nies li qed jistennew il-permessi

Mal-ILLUM Farrugia sostna illi l-problema hija li n-numru ta' ħaddiema Maltin hu li hu u allura sabiex inlaħħqu mat-tkabbir ekonomiku, "qed nirrikorru għal influss ta' ħaddiema barranin, bl-isfidi kollha li dan iġib miegħu." 

Tony Zahra (MHRA)
Tony Zahra (MHRA)

Huwa qal li l-MEA temfasizza fuq l-importanza u n-neċessità tal-legalità meta niġu għal kwistjonijiet li jitrattaw ħaddiema barranin, iżda qal ukoll li dan id-dewmien fil-ħruġ ta' permessi qed iħarbat l-operat ta' bosta li ma għandhomx nies biex jaħdmu. 
"Propju minħabba din is-sitwazzjoni ħafna minn dawn il-barranin qed jispiċċaw jidħlu fis-suq iswed u jagħmlu xogħol illegali," qal Farrugia mal-ILLUM. 

Huwa kompla jispjega kif hemm żewġ tipi ta' impjegaturi: Dawk li intenzjonalment iħaddmu barranin, bla ktieb, f'liema każ jappella sabiex isir l-infurzar kollu meħtieġ. Farrugia iżda jindika li hemm impjegaturi oħrajn li applikaw biex dawn il-ħaddiema jingħataw il-permess, liema permess ilhom jistennewh ħafna żmien u għandhom bżonn kbir li jħaddmuhom issa - kif ix-xogħol u t-turiżmu irkupra. 

Huwa għalhekk ippropona mal-ILLUM illi fejn hemm is-sitwazzjonijiet tal-aħħar tip, bi provi ta' applikazzjoni li saret, ikun hemm xi forma ta' qbil jew ftehim. 

Zahra iżda - minn naħa tiegħu - iċċara li hu jaqbel biss li jkun hemm ftehim "ċar għal kulħadd, mhux ftehim tal-lakstu, ngħalqu għajnejna għal dak, inġebbdu għall-ieħor u lil oħra le. Hemm bżonn ftehim wieħed, ċar u li jkun jgħodd għal kulħadd biex tissolva din il-problema u forsi ftehim li jkun jgħodd għal numru ta' xhur." 

'Hemm bżonn li tonqos il-burokrazija!'

Zahra temm il-kummenti tiegħu ma' din il-gazzetta jgħid illi apparti l-problema ta' riżorsi, hemm ukoll il-problema l-oħra tal-burokrazija. "Hemm burokrazija għall-permessi tax-xogħol biex inkunu siguri u ċerti u din hija xi ħaġa tajba u bħala MHRA, naqblu. Imma hemm bżonn l-effiċjenza, mhux tgħid le għal kollox jew agħar minn hekk ma tgħid xejn," temm il-President tal-MHRA Tony Zahra. 

Minn naħa tiegħu Farrugia qal ukoll li hemm bżonn tonqos il-burokrazija u jkun hemm aktar koordinazzjoni bejn Identity Malta, il-pulizija u l-entitajiet kollha li huma responsabbli biex joħorġu l-permessi tax-xogħol. Huwa nnota iżda li minkejja li l-MEA tikkritika lill-Identity Malta fejn meħtieġ, jgħid ukoll li konxju tal-fatt li parti mid-dewmien huwa kkaġunat minn barra minn Malta u allura mill-pajjiż li minnu jkunu ġejjin dawn il-ħaddiema. 

'Issa li żdied ix-xogħol ma jistax ikollna dawn it-tip ta' problemi' - Bartolo

"Il-Gvern għaddej b'ħidma sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, billi fost oħrajn qed jitkellem mal-ambaxxati Maltin biex din il-problema serja u immedjata tkun indirizzata." Hekk sostna mal-gazzetta ILLUM il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo għall-mistoqsijiet tal-istess gazzetta. 

Huwa mhux biss ammetta li teżisti din il-problema imma saħaq ukoll illi jaf b'każi ta' lukandi li saħansitra kellhom jagħmlu stop-sale, jiġifieri jwaqqfu l-bejgħ ta' aktar kmamar għax jafu li bil-ħaddiema li għandhom ma jistgħux ilaħħqu mas-servizz. Huwa qal ukoll li jaf ristoranti li qed ikollhom jgħalqu fi ġranet minħabba il-problema ta' nuqqas ta' ħaddiema, u sostna li ħafna postijiet qed iħallsu ħafna iktar milli kienu jħallsu qabel- imma sostna li b'mod ġenerali l-maltin xorta ma jridux jaħdmu f'din l-industrija. 

Mal-ILLUM Bartolo sostna li mill-informazzjoni li għandu, aktar milli Identity Malta, il-problema hija fl-ambaxxati u huwa għalhekk li l-Gvern se jkun qed jiddiskuti magħhom biex jara li din il-problema tissolva. 

"Issa li x-xogħol qed jiżdied sew, ma jistax ikollna dawn it-tip ta' problemi, anke jekk huma problemi ġejjin minn realtà pożittiva ta' ħafna xogħol. Imma xorta tibqa' problema u qed naħdmu biex insolvuha."

More in Politika