In-negozjant Paul Piscopo jiftaħ Każ Kostituzzjonali għar-rilaxx tal-bastimenti ikkonfiskat

Il-bastiment kien ġie kkonfiskat minħabba suspetti li kien qed jintuża għat-traffikar tal-fuel iżda qatt ma tressqu akkużi formali kontra s-sidien tiegħu

In-negozjant Paul Piscopo u martu Alexandra fetħu każ kontra d-Direttur Ġenerali tad-Dwana u l-Avukat tal-Istat jisħqu li d-drittijiet tagħhom inkissru meta ġie kkonfiskat wieħed mill-bastimenti tagħhom tas-sajd minħabba suspett ta’ traffikar tal-fuel.

Minkejja s-suspetti, dawn sa issa qatt ma tressqu l-Qorti akkużati b’dan ir-reat. L-ekwipaġġ tal-bastiment kienu tressqu l-Qorti iżda eventwalment inħellsu.

Piscopo, li huwa s-sid ta’ Dimitra Fishing Company, Mediterranean Samac Ltd u Sunoil Management Co Ltd, preżentament huwa wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Koperattiva tas-Sajd.

Il-bastiment kien ġie kkonfiskat fl-2013 wara li uffiċjali tad-Dwana kienu telgħu abbord il-bastiment li kien f’ibħra territorjali Maltin. Fuq il-bastiment kienu nstabu 34,600 litru ta’ diesel u 8,000 litru ma kinux iddikjarati. 

Piscopo u martu qatt ma kienu akkużati. Bħala s-sidien tal-bastiment huma kienu talbu lill-Qorti biex tordna r-rilaxx tiegħu. Madanakollu, id-Direttur Ġenerali tad-Dwana kien oġġezzjona għal dan.

Kien insista li l-fuel kien instab fuq il-bastiment u maħżun f’tankijiet tal-plastik f’ċirkostanzi suspettużi. Qal li kien hemm indikazzjonijiet li l-bastiment kien qed jintuża regolarment għat-traffikar tal-fuel.

Fil-ħin li l-Forzi Armati interċettaw il-bastiment, is-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastiment (VMS) kienet mitfija. Apparti minn hekk, fuq il-bastiment ma kien hemm l-ebda tagħmir tas-sajd u l-liċenzja kienet skaduta.

Fl-applikazzjoni Kostituzzjoni tagħhom, iffirmata mill-Avukati Jose Herrera u David Camilleri, il-koppja fakkru li għamlu aktar minn talba waħda biex il-bastiment ikun irilixxat.

Għamlu referenza għal każi simili u kif il-konfiska ta’ bastiment partikolari twaqqfet meta l-akkużat kien inħeles minn akkużi kriminali.

L-applikazzjoni tgħid li dan għandu jgħodd aktar u aktar f’din iċ-ċirkostanza hekk kif is-sidien tal-bastiment qatt ma tressqu l-Qorti b’akkużi kriminali.

Proprju għalhekk li qed jisħqu li din il-konfiska qed tikser id-drittijiet tagħhom, inkluż dak li jgawdu proprjetà li hija tagħhom. 

Huma qed jitolbu lill-Qorti biex tiddikjara li d-drittijiet tagħhom qed jiġu miksura u eventwalment tordna wkoll ir-rilaxx tal-bastiment u anke l-ogħti ta’ kumpens għaż-żmien li fih il-bastiment kien ikkonfiskat.

More in Politika