Membri u kelliema tal-għaqda Repubblika llejla komplew jinsistu li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà għandu jirriżenja minnufih għax qed jisħqu li mhuwiex kredibbli. Fil-fatt l-ewwel kelliema illum fl-attività li tfakkar il-ġurnata li fiha inqatlet Daphne Caruana Galizia Joanna Agius fakkret li l-ġimgħa l-oħra saret protesta oħra quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għaliex "għaddew sentejn mill-ħatra tal-Kummissarju Gafà u l-ebda politiku ma ġie mressaq fuq każijiet ta’ korruzzjoni, speċjalment kawżi ta’ korruzzjoni li ħadmet fuqhom u kixfet Daphne." Hija qalet għahekk li se terġa'tirrepeti l-kliem tal-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina u sostniet li Gafa' għandu jirriżenja għax, "ma fadallu ebda kredibilità. Għandna Korp tal-Pulizija ddemoralizzat. Fuq kollox, għandna Korp tal-Pulizija li għadu għodda ta’ inġustizzja u ta’ impunità."
Agius kompliet issostni illi s-soċjetà ċivili mhux se tħalli lill-Kummissarju jagħmel li jrid u mhux se tħallih jibqa' f'postu biex - skont Agius - jibqa' ma jagħmel xejn.
"Pajjiżna jeħtieġ Kummissarju tal-Pulizija li jaħdem u li jġib ir-riżultati. Gafà wera li mhuwiex u li ma jridx ikun dak il-Kummissarju," sostniet Agius fl-indirizz tagħha lil dawk li attendew l-attività fil-Belt Valletta quddiem il-mafkar ta' Daphne Caruana Galizia, f'ħoġor il-monument tal-assedju.
Intant minn Marsilja tkellem ukoll Lisandru Laban-Giuliani mill-NGO Avanti, li sostna illi issa għaddew ħames snin mingħajr ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia għal reat li jiddiskrevih bħala "mafjuż".
"Illejla ngħarfu id-determinazzjoni, il-kuraġġ u l-perseveranza ta' dawk li komplew ifakkru lid-dinja illi sa issa ma hemmx ġustizzja għal Daphne," qal Giuliani.
Fl-attività tkellmu wkoll Ann De Marco u Alex Gaglione mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU).