Cacopardo jakkuża lill-Ministru Bartolo illi 'ċeda għall-pressjoni tas-sidien tal-ħwienet'
L-ADPD titkellem dwar il-ħinijiet tal-mużika fil-belt Valletta wara Avviż Legali ppubblikat mill-Gvern...
More in Politika
L-ADPD titkellem dwar il-ħinijiet tal-mużika fil-belt Valletta wara Avviż Legali ppubblikat mill-Gvern...
Iċ-Chairman tal-ADPD - The Green Party Carmel Cacopardo qal illi l-partit kontinwament qed jirċievi ilmenti minn residenti f’diversi lokalitajiet li xi uħud mill-istabbilimenti tad-divertiment m’għandhom l-ebda rispett lejn il-ġirien tagħhom. "Idoqqu mużika b’volum għoli sa tard bil-lejl. Il-kelliem tal-ADPD Marcus Lauri saħaq li dan qiegħed iseħħ f’numru ta’ postijiet mhux biss il-Belt." Huwa kompla billi akkuża lill-Ministru Clayton Bartolo illi mhuwiex jagħti każ ta' dak li għandhom bżonn ir-residenti. "Il-Ministru Clayton Bartolo flok talab lit-tim tal-infurzar fl-MTA biex jara li l-istabbilmenti fil-Belt qegħdin jirrispettaw lir-residenti ċeda għal pressjoni mill-operaturi u żied il-ħinijiet li dawn jistgħu idoqqu mużika b’volum għoli mill-11pm sas-1am."
Din il-konferenza saret fid-dawl ta' Avviż Legali li ħareġ il-Gvern u li permezz tiegħu mużika minn stabbilimenti se titħalla ddoqq sas-1:00 a.m kuljum, xi ħaġa li qajmet l-għadab u r-raba ta' bosta Beltin, speċjalment dawk li jgżħixu fit-toroq affetwati.
Il-gazzetta ILLUM u s-sit illum.com.mt kienu fuq quddiem f'din il-kwistjoni, l-ewwel b'rappurtaġġ dwar ilmenti minn sidien ta' stabbilimenti illi lmentaw illi qed ikollhom jgħalqu wisq kmieni. Fil-fatt huma kienu saħqu illi "fl-ebda belt fid-dinja l-istabbilimenti ma jkunu mġiegħla jwaqqfu l-mużika fil-11:00 p.m." Sussegwentement iżda l-Avviż Legali li estenda l-ħinijiet tad-daqq ta' mużika sas-1:00 a.m wassal għal ilmenti mir-residenti u anke l-Kunsilliera tal-PN li dan mhuwiex bilanċ ġust u li jirrispetta lil dawk li jgħixu fit-toroq imsemmija.
Il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM irrappurtat bi prominenza l-kummenti ta' residenti, tas-Sindku Alfred Zammit u tal-Minority Leader Christian Micallef. Filwaqt illi matul il-ġimgħa id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott ħabbar li se jkun qed iressaq mozzjoni Parlamentari biex l-Avviż Legali jiġi rtirat.
"Operaturi fil-qasam tat-turiżmu għandhom jaraw li l-attivitajiet tagħhom ma jħallux impatt negattiv fuq il-komunitajiet residenzjali li fiha jkunu qegħdin jaħdmu. Dan hu meħtieġ speċjalment fi gżira żgħira bħalma hija tagħna biex jassigura li t-turiżmu jkun wieħed sostenibbli," qal Cacopardo meta indirizza konferenza stampa is-Sibt filgħodu fil-Belt Valletta.