Id-Deputati Laburisti tal-Ewwel Distrett jaqblu ma' mużika fuq barra sas-1 am fil-Belt Valletta
L-ILLUM tistaqsi lid-Deputati tal-Labour dwar il-mużika fil-Belt ... imma jwieġeb għalihom il-Partit
minn Yendrick Cioffi
Fl-aħħar jiem, ħadd mid-Deputati tal-Partit Laburista tal-Ewwel Distrett ma wieġeb mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM dwar l-Avviż Legali li estenda l-mużika mill-istabbilimenti fil-Belt Valletta mill-11pm sas-siegħa ta’ filgħodu. Minflok, l-ILLUM irċeviet risposta komuni mill-Partit Laburista li tgħid lid-Deputati jaqblu mal-Avviż Legali kif daħal fis-seħħ.
L-Avviż Legali qajjem rabja kbira fost bosta residenti Beltin, inkluż dawk li tkellmu mal-gazzetta ILLUM jisħqu li ma għadhomx jiġu kkalkulati. Fil-fatt, grupp ta’ residenti talab lid-Deputati tal-Ewwel Distrett biex jieħdu pożizzjoni u jopponu dan l-Avviż Legali fil-Parlament.
Id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista ressqu mozzjoni fil-Parlament biex dan l-Avviż Legali jkun irrevokat iżda ħadd minn dawk tal-Partit Laburista ma lissen kelma. Kien għalhekk li l-ILLUM talbet ir-reazzjoni tal-Ministru Aaron Farrugia, is-Segretajru Parlamentari Keith Azzopardi Tanti u d-Deputati Deo Debattista, Cressida Galea u Davina Sammut Hili.
Madanakollu ħadd minnhom ma wieġeb u minflok, mingħajr ma talbitha hi, il-gazzetta rċeviet tweġiba mill-Uffiċċju tal-Kommunikazzjoni tal-Partit Laburista, f’isem kulħadd.
Ir-risposta tgħid li l-Gvern ma għandu l-ebda ħsieb li jbiddel lill-Belt Valletta f’Paceville ieħor.
“Fuq kollox l-investiment bla preċedent li għamel il-Gvern fil-Belt Valletta tul l-aħħar snin iżid il-ħtieġa li kull deċiżjoni li tittieħed tirrispetta l-karattru partikolari u l-komunitajiet kollha li jagħmlu l-Belt Valletta, mhux l-inqas lir-residenti. Huwa proprju għalhekk li l-avviż legali jitkellem fuq mużika moderata biss, bejn il-ħdax u s-siegħa ta’ filgħodu,” tkompli t-tweġiba.
Il-Partit Laburista appella biex l-avviż legali jkun segwit b’rispett lejn ir-residenti u għalhekk bil-moderazzjoni li tissemma fih għax, skont il-Partit “hu l-eċċessiv li jaffetwa b’mod negattiv lir-residenti.”
Anke jekk l-Avviż Legali jinkludi dawk it-toroq kollha li fihom l-istabbilimenti u li fihom jgħixu wkoll ħafna familji, il-Partit Laburista irrimarka li l-Avviż Legali ma jinkludix it-toroq kollha tal-Belt.
‘Bħala Viċi Sindku ma nikkummentax ... inħalli lis-Sindku jikkummenta’
Il-gazzetta ILLUM talbet ukoll ir-reazzjoni tal-Kunsilliera Laburisti tal-Belt Valletta. Ray Azzopardi qal li bħala Viċi Sindku ma jixtieqx jikkumenta biex ma jaqbiżx is-Sindku u fuq kwistjonijiet bħal dawn iħalli lis-Sindku jikkummenta.
“Issa din il-ġimigħa għandna laqgħa tal-Kunsill Lokali, se niddiskutu u se niddeċiedu minn hemm.”
‘Naqbel li l-mużika tibqa’ sas-1am iżda f’livell li ma jdejjaqx lir-residenti’
Il-Kunsillier Jurgen Briffa qal li hu jaqbel li l-mużika mill-istabbilimenti fil-Belt Valletta titħalla sas-siegħa ta’ filgħodu imma insista li l-Avviż Legali għandu jkun ċar biex ħadd ma jabbuża u l-mużika tkun tinstema’ biss minn dawk li jkunu fuq l-imwejjed.
Briffa fakkar li huwa resident ukoll u għalhekk jifhem it-tħassib u r-rabja ta’ residenti oħra, b’mod partikolari dawk anzjani li tkellmu miegħu.
“Jiena noqgħod fi Triq l-Arċisqof waħda mit-toroq fejn hemm diversi stabbilimenti. Jiena nifhem li r-residenti u t-tħassib tagħhom,” kompla Briffa.
Madanakollu żamm mal-pożizzjoni tas-Sindku Alfred Zammit li mas-sit illum.com.mt qal li għandu jinħoloq bilanċ u l-mużika sas-1am tkun permessibbli biss mill-Ġimgħa sal-Ħadd.
Magħfus biex jgħid jekk jaqbilx jew le mal-Avviż Legali, Briffa qal li jaqbel, basta l-mużika ma ddejjaqx lir-residenti. Għalhekk appella wkoll biex l-Avviż Legali jkun aktar ċar u jgħid ċar u tond li wara l-11pm il-mużika għandha tkun soft jew backround.
“Naqbel għax ġieli tmur tard biex tieħu drink il-Belt u ma’ nofsilejl issib l-istabbilimenti magħluqa għax malli tieqaf il-mużika, in-nies jitilqu,” kompla jisħaq.
Madanakollu qal li anke jekk id-diskussjoni qed tkun dwar il-mużika wara l-11pm ta’ bil-lejl, l-argument għandu jkun li fl-ebda ħin, lanqas qabel il-11pm, ma għandha tindaqq mużika f’livell li ddejjaq lir-residenti.
Fakkar fid-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali li ma jaċċettax permessi għad-DJs fit-toroq u dan b’rispett lejn ir-residenti.
“Għal xi attività ta’ darba nagħlqu għajnejna u ngħinu anke lin-negozji imma fuq kollox nisħqu li r-residenti għandhom ikunu rrispettati,” kompla jinsisti.
‘Sirt naf mill-midja ... Se nitkellem ma’ sħabi u nimxu b’mod kollettiv’
Il-kunsillier Lian Pace qal mal-ILLUM li sar jaf b’dan l-Avviż Legali minn fuq il-midja u ma kellux idea minn qabel li l-ħin permessibbli għall-mużika fil-Belt se jkun estiż.
Mistoqsi x’inhi l-pożizzjoni tiegħu, simili għal dak li qal il-Viċi Sindku, Pace qal biss li se jkun qed jitkellem ma’ sħabu l-kunsilliera tal-Partit Laburista biex jimxu flimkien b’mod kollettiv fuq din l-kwistjoni.
“Se niddiskutu u nħabbtu l-ideat u nimxu minn hemm,” qal Pace.
X’ġara sa issa?
- Il-Gvern jippubblika Avviż Legali li jestendi l-mużika mill-istabbilimenti fil-Belt Valletta mill-11pm sas-1am sakemm tinżemm f’livell moderat
- Dan iqajjem rabja kbira fost ir-residenti Beltin li jitkellmu wkoll mal-gazzetta ILLUM
- Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit jgħid li l-Kunsill se jitlob lill-Gvern biex jiċċara l-Avviż Legali u biex il-mużika titħalla wara l-11pm mill-Ġimgħa sal-Ħadd biss.
- Il-Minority Leader tal-Belt Valletta, Christian Micallef jitlob laqgħa urġenti tal-Kunsill u jitlob biex il-permess ikun irrevokat
- Grupp żgħir ta’ residenti jipprotestaw u jħabbru li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali
- Grupp ieħor ta’ residenti, il-Valletta Residents Revival, jiktbu lid-Deputati tal-Ewwel Distrett biex jieħdu pożizzjoni ċara u jopponu dan l-Avviż Legali fil-Parlament
- Il-Gvern joħroġ avviż legal ieħor u jżid żewġ toroq oħra fil-Belt (Arċisqof u Ursola) fejn il-mużika tista’ titħalla anke wara l-11pm
- Il-Partit Nazzjonalista jippreżenta mozzjoni biex dan l-Avviż Legali jkun irrevokat