Nhar il-Ġimgħa mistennija deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-iskola primarja tal-Mellieħa
Il-Ministeru jispjega li proposti li kienu saru biex ikun massimizzat l-ispazju għall-ġid tal-komunità Melliħija mhux se jsiru għax mhux vijabbli finanzjarjament
minn Yendrick Cioffi
Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju, il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar mistenni jiddiskuti l-estensjoni, it-tisbiħ u l-immodernizzar tal-iskola primarja tal-Mellieħa, bit-tama li x-xogħlijiet li issa ilhom snin jistennew, ikunu jistgħu jibdew.
Il-gazzetta ILLUM ilha diversi snin issegwi s-sitwazzjoni ta’ din l-iskola u l-isfida ta’ nuqqas ta’ spazju. Minkejja li l-applikazzjoni ilha quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar mill-2018, il-permessi għall-estensjoni tal-istess skola baqgħu ma ħarġux u x-xogħol qatt ma beda.
Tant kemm l-iskola għandha nuqqas ta’ spazju li għal dawn l-aħħar snin, kien hemm studenti li kienu qed jirċievu l-lezzjonijiet fil-Mellieħa Sports Club.
Fil-fatt, kien fl-2016 meta l-Kumitat tal-Kontijiet Dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kien approva emenda mressqa mill-Gvern bil-għan li l-Mellieħa Sports Club ikun jista’ jintuża bħala estensjoni ta’ din l-iskola.
70 student u studenti fi klassijiet barra mill-iskola
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni kkonferma li anke din is-sena, 70 student u studenta, maqsuma f’sitt klassijiet, qed jingħataw il-lezzjonijiet barra mill-binja tal-iskola. Dawn jinkludu l-klassijiet tal-kindergarten u klassi ta’ induction għal tfal ta’ familji barranin.
Il-problema baqgħet tikber sena wara l-oħra hekk kif mill-iskola kienu qed jispiċċaw inqas studenti minn kemm kienu qed jidħlu fis-sena ta’ wara. Dan għax il-popolazzjoni tal-Mellieħa baqgħet tikber fosthom minħabba għadd ta’ familji barranin li jmorru jgħixu hemm.
Madanakollu jidher li wara l-aħħar artiklu li din il-gazzetta ppubblikat aktar kmieni dan ix-xahar, dwar it-tkaxkir tas-saqajn fil-permessi għal din l-iskola, l-affarijiet iċċaqilqu. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni informa lill-ILLUM li nhar l-24 ta’ Ġunju se tkun qed issir diskussjoni dwar dawn il-permessi.
“Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jħares ‘il quddiem għall-24 ta’ Ġunju meta l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar mistenni jiddiskuti l-estensjoni, it-tisbiħ u l-immodernizzar tal-iskola tal-Mellieħa,” wieġeb il-kelliem tal-Ministeru għall-mistoqsijiet tal-ILLUM.
‘Proposti twarrbu għax mhux vijabbli finanzjarjament’
Din il-gazzetta staqsiet ukoll għaliex fl-aħħar xhur, ingħataw il-ġenb il-proposti li kien ressaq id-Deputat Mellieħi u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.
Fil-fatt, ix-xahar li għadda, meta kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima qal li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) sabet li l-proposti ta’ Cutajar mhumiex vijabbli. Dan minkejja li fl-aħħar xhur kien jidher li hemm qbil dwarhom, anke min-naħa ta’ Deputati Melliħin.
Fost oħrajn, Cutajar kien qed jipproponi li l-parkeġġ tal-iskola li se jinbena taħt l-estensjoni jkun mifrux fuq sitt sulari u mhux fuq tnejn biex jaqdi l-bżonnijiet tar-residenti wkoll. Ippropona wkoll biex mill-parkeġġ ikun hemm mina pedonali li tixref fi Triq Borg Olivier, it-triq ewlenija tal-Mellieħa, bil-għan li jonqos it-traffiku fl-istess triq u l-ħwienet ikunu aktar aċċessibbli.
Kien ippropona wkoll li s-sala tal-iskola tinbena mill-ġdid biex tirbaħ sular u nofs taħt l-art u tkun tista’ taqdi wkoll mhux biss lill-istudenti imma anke l-għaqdiet tal-Mellieħa.
Dwar dawn il-proposti kienet saret laqgħa wkoll fuq il-post mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.
Mistoqsi dwar dan u għaliex il-proposti issa nstabu li huma mhux vijabbli, il-Ministeru kkonferma li r-raġuni hija waħda finanzjarja.
“Il-Ministeru hu impenjat li jimplimenta l-proġett bil-mod kif ippjanat għax hu l-iktar wieħed li jagħmel sens mil-lat ta’ finanzjament,” qal il-Ministeru.
Fakkar kif b’kollox, ix-xogħlijiet fuq l-iskola primarja tal-Mellieħa se jkunu qed isiru b’investiment ta’ €17.5 miljun u huwa ppjanat biex jilħaq aħjar il-ħtiġijiet tat-tfal li jgħixu l-Mellieħa.
Spjega kif il-proġett hekk kif propost mill-Gvern se jkun jinkludi wkoll parkeġġ ta’ żewġ sulari taħt l-art li jesa mitt karozza.
Dwar għaliex l-applikazzjoni damet ħafna pendendi, il-Ministeru qal li fl-aħħar xhur, apparti l-ippjanar, il-proċess kien suġġett għad-direzzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minħabba l-għerien li hemm fis-sit.
X’se tinkludi l-estensjoni?
Il-proġett jinkludi r-rinovar tal-binja eżistenti u anke l-bini ta’ blokka ġdida biswit l-iskola. F’din il-binja se jkun hemm tmien klassijiet ġodda tal-kindergarten u 26 klassi ġdida għall-primarja.
Se jinkludi wkoll faċilitajiet għall-edukaturi u servizzi oħra, fosthom kamra għall-First Aid, liberija, gym u sala. Il-gym se jkun jintuża mill-pubbliku wara l-ħinijiet tal-iskola.
Ix-xogħlijiet se jkunu qed jassiguraw li jkun hemm il-ħolqien ta’ klassijiet addizzjonali għal suġġetti vokazzjoni, ix-xjenza, l-arti u l-mużika u anke għall-iżvilupp soċjali u personali.
Se jkun hemm kamra wkoll multi-sensorjali għat-terapija ta’ dawk it-tfal li jiġu bżonnha u anke spazju għal ċentru ġdid ta’ childcare.
Meta jkun konkluż, l-iskola se tkun qed tilqa’ 700 student u l-edukaturi jiżdiedu b’25 persuna.