Ryanair b'investiment ta' €20 miljun f'faċilitajiet biex tibda ssewwi l-ajruplani f'Malta
Dan l-investiment se joħloq aktar minn 250 impjieg bil-Prim Ministru jiddeskrivih bħala turija ta' fiduċja fil-potenzjal tal-pajjiż

minn Yendrick Cioffi
Il-linja tal-ajru Ryanair se tkun qed twettaq investiment ta’ €20 miljun f’Malta biex tkun tista’ tibni faċilità għat-tiswija u xogħlijiet oħra fuq l-ajruplani, liema investiment se jkun qed joħloq 250 impjieg ġdid fuq perjodu ta’ diversi xhur.
L-investiment tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, indirizzata wkoll mill-Prim Ministru Robert Abela li ddeskriva dan l-investiment bħala turija ta’ fiduċja fil-potenzjal tal-pajjiż u anke punt kruċjali u importanti għas-settur tal-avjazzjoni f’Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Ryanair, Eddie Wilson qal li x-xogħlijiet se jkunu qed jibdew f’Ottubru li ġej fejn se jinħolqu 20 impjieg. Għal bidu, il-linja tal-ajru se tkun qed tuża hanger eżistenti sakemm tibni u tinvesti f’hanger ġdid biex iżżid il-postijiet għall-ajruplani.
Dan ikun ifisser li fuq perjodu ta’ diversi xhur, se jkunu qed jinħolqu 250 impjieg ġdid.

Wilson saħaq li dan l-investiment se jkompli jikkonsolida r-relazzjoni b’saħħitha li l-linja tal-ajru għandha ma’ Malta waqt li fakkar li r-Ryanair għandha linja tal-ajru sussidjarja f’Malta, jiġifieri l-Malta Air u qed topera wkoll xejn inqas minn 62 destinazzjoni mill-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta.
Huwa rringrazzja lil Malta Enterprise li fi kliemu ffaċilitat dan l-investiment u saħansitra saħaq li jsibuha faċli biex jagħmlu negozju ma’ Malta daqskemm hu faċli fl-Irlanda, fejn huma bbażati.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva r-Ryanair bħala linja tal-ajru importanti għal Malta u saħaq li investiment bħal dan se jkompli jagħmel lil Malta “ċentru ta’ eċċellenza għas-settur tal-avjazzjoni.”
Irrefera għal-lista l-griża u saħaq li l-fatt li Malta ħarġet mil-lista l-griża fi żmien rekord, minħabba x-xogħol li kien ilu għaddej qabel tpoġġiet fuq l-istess lista, ikompli jżid l-ottimiżmu fost dawk li jridu jinvestu f’Malta.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru responsabbli mill-Intrapriża Miriam Dalli, li saħqet li Malta tibqa’ miftuħa għal aktar investiment fis-settur tal-avjazzjoni u anke mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri li ddeskriva dan il-proġett bħala prova kemm malta hija destinazzjoni attraenti għall-investiment.



