'L-ebda ħaddiem m’għandu jiġi preġudikat għax ikkonsma l-kannabis b’mod responsabbli'
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal illi jsir żball jekk ma nagħmlux distinzjoni bejn il-kannabis u l-alkoħol...
minn Albert Gauci Cunningham
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja saħaq fuq l-importanza li m’għandu jkun hemm l-ebda preġudizzju fuq il-ħaddiem għax ikun ikkonsma l-kannabis fid-dar tiegħu b’mod responsabbli. Huwa qal li l-kejl li għandna nagħmlu bħal kull ħaġa oħra għandha tkun fuq il-produttività, l-effiċjenza u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Bugeja qal dan waqt li kien qed jindirizza seminar organizzat mit-Taqsima Ospitalità u Ikel u mit-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU, li ffoka fuq il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis li daħlet fis-seħħ f’Diċembru li għadda wara dibattitu fil-Parlament, u l-impatt tagħha fuq il-postijiet tax-xogħol.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU beda biex qal li “nagħmlu żball jekk nagħmlu distinzjoni bejn il-kannabis u l-alkoħol. Dan għaliex it-tnejn huma legali. Trid ukoll issir distinzjoni bejn li jkollok traċċi ta’ jew li tkun taħt l-influwenza tal-kannabis.”
Huwa qal li bħala GWU kienu minn tal-ewwel li ħarġu favur ir-riforma dwar l-użu b’mod responsabbli tal-kannabis u anke pparteċipaw fil-konusultazzjoni li saret b’rabta ma’ din il-liġi.
“Irridu nkunu kawti kemm bħala trejdunjins u anke min iħaddem. Il-mistoqsijiet qed iqumu għall-fatt li din hija xi ħaġa ġdida li rridu nitgħallmu minnha. Hemm ċertu parametri stabbiliti. Fuq il-post tax-xogħol ma tistax tikkonsma, imma d-dar tista’”, qal Bugeja.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jgħid li dan is-seminar juri wkoll kemm bħala unjin qed ikunu aktar pro-attivi anke f’diskussjonijiet bħal dawn.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem Joseph Farrugia qal li bħala MEA kienu favur id-dekriminalizzazzjoni tas-sustanza però ħassew li kien hemm bżonn ta’ aktar diskussjoni.
Huwa ddikjara li għalkemm il-liġi daħlet fis-seħħ, qed iqumu ċertu mistoqsijiet u għad hemm kwistjonijiet li għad iridu jiġu indirizzati. Qal li l-akbar tħassib ta’ min iħaddem fejn tidħol il-kannabis u l-post tax-xogħol hi l-aspett ta’ ‘occupational health and safety’ kif ukoll ir-responsabbiltà li jiġi espost għaliha l-employer jekk jieħu ċertu azzjonijiet.
Farrugia qal li jrid ikun hemm linji gwida ċari, u jkun hemm involuti l-OHSA, l-Awtorità l-ġdida dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis għal kull eventwalità li tista’ tinqala’.
Il-Head of Policy tal-Kamra tal-SMEs Andrew Aquilina enfasizza fuq l-importanza li jkun hemm xi forma ta’ kampanja fejn jidħol l-użu responsabbli tal-kannabis li tkun ibbażata fuq studji.
“Irridu nsibu t-triq tan-nofs bejn l-unjins u min iħaddem” - Theo Vella
Is-Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi Theo Vella qal li huwa kien għamel żmien jaħdem fil-Korp tal-Pulizija u kien hemm liġi li tgħidlek b’mod ċar li jista’ jsirlek test u jekk tinstab pożittiv għal sustanzi tista’ saħansitra titkeċċa mill-Korp.
Huwa semma wkoll li mill-esperjenza tiegħu fil-Korp kien ikollu każi fejn titressaq persuna li nstabet fil-pussess ta’ kilo kokaina u seduta wara jitressqu grupp ta’ żgħażagħ li jinstabu b’ammont żgħir ta’ kannabis li jkunu kkunsmawhom fuq xi bajja.
“Il-leġiżlatur nifhem li kellu intenzjoni tajba biex itejjeb dawn iċ-ċirkostanzi u rridu nsibu triq tan-nofs bejn l-unjins u min iħaddem. Nifhem li rridu nħallu lil min iħaddem jagħmel il-policies tiegħu imma ma nistgħux noqogħdu nippersegwitaw lill-ħaddiema,” qal Vella.
“Jista’ min iħaddem jittestja lil min irid mingħajr suspett?” - Dr Herman Mula
L-Avukat Herman Mula, li jaħdem fil-kamp kriminali, qal li s-sustanza tal-kannabis hi ġeneru differenti minn oħrajn. Qal li l-effett tal-alkoħol jitlaq minn fuq il-bniedem ħafna aktar malajr mill-kannabis. Huwa kompla billi staqsa jistax min iħaddem jadotta politika ta’ tolleranza żero u jittestja lil min irid mingħajr suspett.
“Wieħed jissuġġerixxi li l-employer jara sew speċjalment meta jqis li s-sustanza tal-kannabis hi ġeneru totalment differenti. L-employers jistgħu jadottaw sistema ta’ testing jekk iridu skont il-ġeneru ta’ xogħol imma tidħol ukoll il-kwistjoni ta’ suspett,” qal Dr Mula li saħaq li qabel nittestjaw lil xi ħadd l-ewwel nett irid isir assessjar mediku.
“Il-kannabis għadha taboo” - Jeremy Camilleri
L-opinjonista Jeremy James Camilleri sostna li aktar milli jsiru t-testijiet, irridu naħsbu fuq l-attitudni tal-individwu u jekk dan jistax jaffettwa kollegi oħra. “Jekk nittestja persuna minħabba mġiba suspettuża u tista’ tkun ta’ periklu għal ta’ madwaru hemm imbagħad jibdew iqumu l-mistoqsijiet x’se jiġri u kif se tipprova li l-individwu kien taħt l-influwenza dak il-ħin. Trid tara l-attitudni tiegħu,” qal Camilleri.
Huwa semma kif meta kien jaħdem bħala trejdunjonista kellu każ fejn ħaddiem kienu fittxewlu fil-locker u sabulu l-kannabis. “Dak iż-żmien il-management ried ikeċċieh lil dan l-impjegat. Evidentement kien qed ipejjep. Irraġunajt li dan aħjar imur għal programm iżda huwa stess kien irrifjuta li jfittex l-għajnuna.”
Camilleri tenna wkoll li minkejja li għaddiet il-liġi f’Diċembru li għaddiet, il-kannabis xorta waħda għadha tabù u hawn min joqgħod lura milli jgħid li jpejjep il-kannabis.