'Xi drabi l-abort huwa meħtieġ biex tiġi protetta s-saħħa tal-mara'
Dan intqal fi protesta li saret quddiem il-Parlament wara li Amerikana fuq btala f'Malta ma tħallitx tagħmel abort
More in Politika
Dan intqal fi protesta li saret quddiem il-Parlament wara li Amerikana fuq btala f'Malta ma tħallitx tagħmel abort
Attivisti favur l-għażla inġabru quddiem il-Parlament fi protesta fid-dawl tal-aħħar storja li ddominat il-ġurnali lokali dwar Amerikana li ġiet miċhuda milli tittermina t-tqala tagħha wara li esperjenzat korriment.
Huma talbu sabiex l-ebda mara ma tintbagħat il-ħabs talli tagħmel abort filwaqt li saħqu li l-abort m'għandux isir ballun politiku. Minflok, skont huma, għandu jkun meqjus bħala proċedura medika.
L-Amerikana Andrea Prudente, li kienet kważi erba' xhur tqila, kienet fuq btala mas-sieħeb tagħha Jay Weeldreyer meta esperjenzat dak li t-tobba ddeskrivew bħala "korriment." Għalkemm il-fetu għad għandu qalb, it-tobba infurmaw lill-koppja li ma hemm l-ebda ċans li l-fetu jgħix.
Kien hawn fejn hi qalet illi xtaqet tittermina t-tqala, iżda minkejja l-għajnuna kollha li t-tobba u l-infermiera qed joffru, insistew mal-koppja li "sakemm l-omm ma twellidx b'mod naturali jew tieqaf qalbha, ma jistgħux jintervjenu."
'Jidher ċar li l-liġi Maltija qed tintuża bħala skuża biex tipperikola s-saħħa tan-nisa fl-isptar tal-istat' - L-ADPD
Fl-istess protesta, attenda ċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo u d-Deputat Chairperson Sandra Gauci biex "jitolbu għal liġijiet ibbażati fuq is-sens komun."
L-ADPD permezz ta' stqarrija insista li xi drabi l-abort huwa meħtieġ biex tiġi protetta s-saħħa tal-mara. Dan ifisser li l-abort f'ċertu każi għandu jiġi aċċettat mingħajr dewmien.
"Huwa d-dmir tat-tobba li jipprovdu l-aħjar kura biex jiżguraw is-saħħa fiżika u mentali tal-mara. Jidher ċar li l-liġi Maltija qed tintuża bħala skuża biex tipperikola s-saħħa tan-nisa fl-isptar tal-istat," saħaq il-Partit tal-Ħodor.
Huwa temm jgħid li hu inaċċettabbli li fis-sena 2022 l-istat, il-Parlament, u fl-aħħar mill-aħħar it-tobba għadhom jirrifjutaw li "jagħmlu dak li hu aċċettat mad-dinja kollha biex jissalvagwardjaw is-saħħa tan-nisa."