Ħames għaqdiet bi crowdfunding kontra l-pixxina ta' Portelli f'ODZ

L-għaqdiet spjegaw li l-approvazzjoni ta’ pixxina ġo wied, barra li ser teqred in-natura sensittiva tal-post, ser toħloq ukoll preċedent perikoluż għall-approvazzjoni ta’ permessi simili fil-futur

Ħames għaqdiet nedew kampanja ta’ crowdfunding sabiex jieħdu azzjonijiet legali kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tapprova "oxxenità oħra tal-iżviluppatur Joseph Portelli." Huma hawn kienu qed jirreferu għal pixxina f’ODZ ġol-wied ta’ Marsalforn, Għawdex, li "tagħmel parti mill-proġett mostruż ta’ ċappa appartamenti f’xifer l-istess wied."

L-għaqdiet spjegaw li l-approvazzjoni ta’ pixxina ġo wied, barra li ser teqred in-natura sensittiva tal-post, ser toħloq ukoll preċedent perikoluż għall-approvazzjoni ta’ permessi simili fil-futur, "sabiex tpaxxi lil Portelli, l-Awtorità tal-Ippjanar fetħet il-bibien beraħ għall-qerda tal-widien tagħna."

L-għaqdiet li huma, Għawdix, Wirt Għawdex, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar u l-Moviment Graffitti, beħsiebhom jieħdu azzjonijiet legali kontra din id-deċiżjoni perikoluża tal-Awtorità tal-Ippjanar iżda sabiex inkopru l-ispejjeż legali, jeħtieġu l-kontribut finanzjarju tal-pubbliku.

Il-pubbliku jista’ jikkontribwixxi billi:

1. Jimla din il-formola online: https://marsalforn.movimentgraffitti.org/

2. Jew bi trasferiment f’dan il-kont bankarju:

BOV

Isem: Moviment Graffitti

IBAN: MT27VALL22013000000011799516027

Kull donazzjoni, żgħira jew kbira, tgħinna sabiex inkomplu fil-ġlieda tagħna kontra l-qerda tal-ambjent Malti u Għawdxi.

More in Politika