Hekk kif illum huwa l-100 jum ta' Gvern Laburista llum għaddiet il-Liġi li qed temenda dik tal-IVF. Kienu 66 Deputat li vvotaw favur - inkluż il-membri kollha tal-Gvern u ħafna minn dawk tal-Oppożizzjoni. Minkejja dan u kif kien indika l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia vvota kontra u f'kumment qabel il-vot tiegħu qal li hu favur il-ħajja mill-konċepiment. Allura sostna li ligi li tippremetti testijiet gentiċi qabel ma jkun hemm embrijun hija favur il-ħajja, imma testijiet fuq embrijuni, "b'ċans minn ħamsa li dak l-embrijun jinqered mhijiex liġi favur il-ħajja imma kontra l-ħajja," sostna Delia.
Kontra dawn l-Emendi vvutaw ukoll d-Deputati Nazzjonalisti Alex Borg u Ivan Bartolo.
Minn naħa tiegħu il-Kelliem tal-PN għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li huwa jirrispetta lil Delia iżda saħaq li l-Oppożizzjoni assigurat li dawn l-emendi fil-verità qed jiddefendu l-ħajja u li jkun hemm għażla ta' testijiet qabel jinħoloq l-embrijun, filwaqt li tkun rispettat wkoll ix-xewqa tal-ġenituri.
Permezz ta' dawn il-bidliet se jkunu possibbli:
- Aktar ċikli tal-IVF mingħajr ħlas;
- Estenzjoni tal-età ta’ ġenituri prospettivi eliġibbli għas-servizzi
- Servizz tal-IVF offrut għat-tieni wild ukoll
- Bidla fid-definizzjoni ta’ ċiklu tal-IVF
- Offrut ċiklu addizzjonali lill-persuni li diġa użaw it-tlett ċikli sabiex jgawdu mid-definizzjoni l-ġdida
- Permessi donazzjonijiet mingħand persuni li jiġu mill-ġenitur prospettiv biż-żwieġ
- Proċess simplifikat għal gamete donations minn barra minn Malta
- Żewġ cryopreserved embryos maħluqa barra minn Malta wara l-2018 jistgħu jinġiebu f' pajjiżna matul kull ċiklu
- F’każijiet ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi serji jsir PGT-M
- Koordinazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għall-Protezzjoni tal-Embrijun u l-Bord li jamministra l-adozzjonijiet għall-proċessi t’adozzjoni tal-embrijuni.