CEOs maħturin mill-Gvern jaqilgħu d-doppju tal-Prim Ministru bl-akbar pagi jaqbżu l-€120,000
Ċifri ppubblikati fil-Parlament juru kif numru ta' Kapijiet Eżekuttivi ta' entitajiet tal-Gvern jaqilgħu iktar minn €100,000 fis-sena f'pagi, benefiċċji u allowances, ħafna iktar mill-Prim Ministru li jaħtarhom...
minn Albert Gauci Cunningham
Minkejja li l-Prim Ministru huwa eventwalment u politikament responsabbli mill-entitajet governattivi kollha, uħud mill-pagi ta' Kapijiet Eżekuttivi (CEOs) tal-istess entitajiet tal-Gvern jaqbżu l-paga tal-Prim Ministru b'eluf kbar, f'xi każi saħansitra d-doppju. Dan hekk kif Prim Ministru Malti għandu pakkett ta' dħul li huwa ta' kważi €66,000, bħala dħul annwali u allowances, filwaqt li numru konsiderevoli ta' Kapijiet Eżekuttivi jaqbżu d-dħul ta' €90,000 u f'każi diversi - paga u allowances b'kollox - saħansitra l-€100,000.
Fil-fatt minn ċifri li ngħataw lill-Parlament jirriżulta li l-Kapijiet Eżekuttivi tal-Enemalta u tal-Malta Enterprise huma fost l-aktar persuni li jitħallsu u li jinsabu f'din il-kariga f'entitajiet pubbliċi. Is-CEO tal-Enemalta Jonathan Cardona jaqla' b'kollox pakkett ta' €129,593 - li jinkludu €112,193 f'paga bażika - jiġifieri €9,349 fix-xahar - allowance għar-respnsabiltà u l-komunikazzjoni ta' €6,000, €11,400 f'allowance għall-karozza flimkien ma' performance bonus u assikurazzjoni medika u tal-ħajja.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia jiġi ftit wara Cardona f'termini ta' dħul u jaqla' €120,363 f'pakket li jinkludi €115,363 f'paga bażika, disturbance allowance ta' €5,000, performance bonus u assikurazzjoni.
Dawk iċ-ċifri ingħataw minn Ministeri rispettivi għall-Mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo, mistoqsija li saret lill-Kabinett kollu. Dawn iċ-ċifri li qed tikkwota l-gazzetta ILLUM jirrigwardaw uħud mill-Ministeri li rrispondew, b'Ministeri oħrajn li għad iridu jagħtu din it-tweġiba.
Il-Ministeru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli għandu fih l-entitajiet li fihom l-aktar li hemm CEOs li jitħallsu, u apparti dawn li diġà semmejna hemm il-Kapijiet Eżekuttivi tal-Wasteserve u anke tal-Mimcol (li jaqa' taħt il-Ministeru tal-Ekonomija) li jiġu warajhom. Fil-fatt meta tgħaqqad il-benefiċċji kollha is-CEO tal-MIMCOL li bħalissa huwa Stanley Mifsud dan qed jaqla' madwar €109,734 f'paga annwali u benefiċċji. Din fil-fatt tinqasam bejn paga ta' €80,674 fis-sena, b'€16,560 f'allowances, €12,500 fuq karozza u assigurazzjoni tas-saħħa.
Dan apparti, 15% f'Performance Bonus. Minn naħa l-oħra s-CEO tal-Wasteserve, Richard Bilocca, jaqla' paga bażika ta' €55,442 - iżda mbagħad dawn jiżdiedu aktar b'numru ta' allowances, fosthom allowance speċjali ta' €35,000. Ma' dan hemm allowance ta' €2,096, €2,000 għall-allowance tal-komunikazzjoni u disturbance allowance ta' €15,000.
Kapijiet Eżekuttivi oħrajn li jaqbżu l-€100,000 fis-sena meta tgħodd il-paga, benefiċċji u anke allowances huma dawk tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (€102,050), Interconnect Malta (€106,900), Engineering Resources Ltd (€106,091), Petromal Ltd (€110,861) u Enemed (€115,350).
€95,435 għas-CEO ta' San Vinċenz u €95,500 għal tal-Arms
Il-Kap Eżekuttiv ta' San Vinċenz De Paule - li bħalissa hija Dr Josianne Cutajar - qed taqla' paga ta' €95,435, jekk tgħodd il-paga annwali ta' €86,794, allowance ta' €453 f'allowance ta' ikel u €8,188 f'Performance Bonus.
B'€92,258, paga u benefiċċji, il-Kap Eżekuttiv tal-Active Ageing Community Care - li bħalissa hija kariga mimlija minn Renzo De Gabriele - hija wkoll fost l-aktar karigi ta' CEO b'pagi għolja meta wieħed jgħodd il-paga (€80,000), €6,000 f'allowance għall-ispejjeż, €4,658 għal car allowance u €1,600 f'allowance għall-komunikazzjoni.
Kapijiet Eżekuttivi oħrajn li jaqbżu pakkett ta' dħul ta' €90,000 huma dak tal-Arms (€95,500), li jinkludi paga ta' €80,000, allowance ta' €8,000 u allowance ieħor ta' €7,000 għall-karozzi, is-CEO tal-Community Malta Agency fil-Ministeru tal-Intern b'€99,858 - li minnhom €9,858 huma allowances.
U dawk li jaqbżu t-€80,000 fis-sena...
Pagi ta' Kapijiet Eżekuttivi oħrajn li jaqbżu it-€80,000 bil-benefiċċji b'kollox jinkludu dak tal-MGI b'paga ta' €80,000 u numru ta' allowances li mhumiex kwantifikati, ta' Industrial Innovative Solutions Malta b'paga ta' ftit aktar minn €80,000 u €10,468 f'allowances, mobile imħallas u 10% f'performance bonus u tal-Awtorità tal-Artijiet b'paga ta' €75,000 u allowance ta' €8,600.
Is-CEO tal-Identity Malta jitħallas €80,000 f'paga bażika u għandu allowance tat-trasport ta' €4,659 bil-paga se tiżdied b'€2,500. Dak ta' Residency Malta Agency jaqla' paga ta' €85,000 b'żieda ta' €2,500 minn din is-sena stess b'allowance għall-karozza, mill-ġdid ta' €4,659
Pagi oħrajn ta' Kapijiet Eżekuttivi li huma pjuttost astronomiċi huma dawk tal-Malta Freeport bi ftit iktar minn €73,000 li jinqasmu b'€67,536 f'paga, €6,000 f'allowance tal-karozza, ħlas għall-mobile, telephone tad-dar u l-internet u sa 15% f'bonus.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Gaming Authority jaqla' €78,782 bħala paga, €850 f'Expertise Allowance, €35 fix-xahar għall-internet, spejjeż imħallsa għall-mowbajl kif ukoll bonus li jlaħħaq l-20%. Dak tal-Land Registration Agency, jaqla' kważi €74,000 fis-sena bil-benefiċċji b'kollox, filwaqt li s-salarju tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati jaqla' salajru ta' €50,800 għalkemm imbagħad għandu allowance ta' €4,658 għat-trasport, €1,880 f'Allowance marbut mal-komunikazzjoni, €2,500 f'Expense Allowance u €4,000 f'Responsability Allowance - li b'kollox ilaħħqu €63,838 fis-sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Business Registry jaqla' €5,961 fix-xahar jew inkella ftit aktar minn €71,500.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Channel li qed iservi l-kariga bħala Interim u huwa wkoll ċermen fl-istess ħin - għandu paga ta' €48,285, filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex għandu dħul ta' €49,337 - jekk tgħodd it-€8,354 f'allowances separati.
Salarji oħrajn li ħarġu fil-Parlament kien hemm dawk tal- Kapijiet Eżekuttivi tal-Malta Food Agency u tal-Governance of Agricultural Bioresources Agency, b'dak tal-ewwel jaqla' €40,183 u allowances annwali li jlaħħqu l-€10,858 f'allowances għal komunikazzjoni, trasport u responsabilità fost oħrajn. Fit-tieni każ is-CEO jaqla' €47,568 u allowances li jlaħħqu is-€9,442.
F'dan l-ilma wkoll hija l-paga tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Mediċini li jaqla' €44,354 iżda imbagħad għandu €11,822 f'allowances, biex b'kollox id-dħul jitla' għal €56,176. Viċin ukoll hija l-paga tal-Aġenzija għall-Programmi tal-UE (EUPA) bil-Kap Eżekuttiv jaqla' paga bażika ta' €40,967, iżda ma' dawn hemm eluf f'allowance li jlaħħqu l-€11,038.
Paga oħra li ma tidhirx illi hija astronomika iżda li mbagħad jiżdiedu magħha hemm allowances, hija dik tal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Digital Innovation Authority, li jaqla' salarju ta' €46,729 iżda imbagħad għandu allowance ta' €25,618.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kordin Grain Terminal jaqla' €56,629, apparti allowances li ma humiex kwantifikati.
Miċ-ċifri mogħtija fil-Parlament il-Kapijiet Eżekuttivi kollha fil-qasam tal-Edukazzjoni jaqilgħu salarju bażiku bejn €40,000 u €50,000, li magħhom imbgħad jiżdiedu elenku ta allowances. L-aktar CEO li jitħallas f'dawn l-entitajiet edukattivi huwa dak tal-MCAST, bi dħul ta' €68,086.