€700,000 f'għajnuna lis-sajjieda minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil

Intbgħatu 393-il applikazzjoni lis-sajjieda li huma rreġistrati mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura

Ġiet imnedija għajnuna finanzjarja li tammonta għal 700,000  li se tkun qed tingħata lis-sajjieda minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil kawża tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbru skema ta’ għajnuna finanzjarja temporanja, fejn il-Gvern Malti se jkun qed jintervjeni finanzjarament biex itaffi l-ispejjeż tal-operat li jintuża mis-sajjieda Maltin u Għawdxin waqt li jkunu qed iwettqu x-xogħol tagħhom.

Ġie spjegat li ntbgħatu 393-il applikazzjoni lis-sajjieda li huma rreġistrati mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura (MFA). L-għotja li ser tingħata hija ekwivalenti għaż-żieda fil-prezz tal-fjuwil meta mqabbel maċ-ċifra bażi ta’ Frar 2022, dik li tammonta għal madwar €0.65c għal kull litru li jinxtara.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Refalo aċċenna kif “dak li ħabbarna llum hija turija ċara oħra ta’ kemm dan il-Gvern huwa kommess li jkompli jservi ta’ spalla għal dawk kollha li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum minn dan il-qasam. Dan anke minħabba l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom, partikolarment kawża tal-kunflitt fl-Ukrajna.” Huwa żied jgħid kif il-Gvern qed jinvesti bis-saħħa sabiex l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ waħda b’saħħitha.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sostniet li “il-mira tagħna f’dan iz-żmien partikolari hu li nkomplu nassistu lis-sajjieda Maltin u Għawdxin, filwaqt li niffaċiltawlhom l-aċċess għall-skemi ta’ għajnuna finanzjarja li jgawdu minnhom fis-settur marittimu lokali. Bħalma l-Gvern kien lest li jagħti għajnuna diretta lil numru ta’ setturi ekonomiċi differenti waqt l-eqqel tal-pandemija tal-Covid-19, illum il-Gvern ħass li dan is-settur tant kruċjali u storiku f’pajjiżna, jingħata għajnuna simili, huwa u jiffaċċja din it-theddida globali. B’għajnuna bħal din ngħinu anke l-istabbiltà tal-prezzijiet tal-ħut, u għaldaqstant qed inkunu wkoll ta’ spalla mal-konsumaturi.”

L-applikazzjonijiet jagħlqu fid-29 ta’ Lulju 2022 u għandhom jintbagħatu bil-posta u jiġu ndirizzati lil Projects Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, Għammieri Goverment Farm, Triq l-Ingiered, Marsa; jew billi jżuru wieħed mid-diversi uffiċini tal-ħatt li jinsabu madwar Malta u Għawdex. Mal-applikazzjoni, is-sajjieda jridu jissottomettu kopja tal-irċevuti maħruġa meta jixtru l-fjuwil għall-bastiment/i tas-sajd tagħhom.

Il-Ministru Refalo
Il-Ministru Refalo
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said

 

More in Politika