Waqt laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ilbieraħ, il-Kumitat ħa konjizzjoni tar-rapport ta’ Due Diligence li sar fil-konfront ta’ Alex Perici Calascione mill-Kummissjoni Kandidati.
Wara li l-Kummissjoni Kandidati sabet li Alex Perici Calascione huwa idoneju sabiex jikkontesta l-kariga għall-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, ġiet infurmata li l-Kummissjoni Elettorali, skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, fetħet l-perjodu li fih tintefa’ n-nomina tal-persuna eleġibbli jikkontesta għal elezzjoni ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Wara li tintefa’ n-nomina ser jingħalaq il-perjodu tan-nomini u jkunu jistgħu jiġu determinati l-ġranet li fihom tista’ ssir l-elezzjoni għal ħatra ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Alex Perici Calascione huwa l-unika kandidat li tefa' ismu għall-kariga ta' Viċi Kap tal-PN.
Minkejja dan, tajjeb infakkru li Perici Calascione mhux Deputat Parlamentari, kwalità li xi kunsilliera qalu li "hi importanti biex ikun jista’ jiffoka l-enerġiji tiegħu fuq il-partit li jinsab f’qagħda finanzjarja ħażina."
Intant, d-Deputat Graziella Galea, li kienet qed tikkunsidra li titfa' ismiha għall-kariga ħabbret fuq Facebook li kienet qed tissekonda n-nomina ta’ Perici Calascione.