“Il-Partit għadu għaddej bix-xogħol u qed ikun effettiv, inkluż meta wieħed iħares lejn l-emendi li għamilna fil-liġi tal-IVF." Hekk sostna waqt intervista fuq Net FM il-Kap tal-PN Bernard Grech - fid-dawl ta' kritika li l-PN qed ikun wisq ineffettiv - li sostna wkoll li l-Gvern mhux qed jikkonsulta lill-Oppożizzjoni dwar dak li qed jiġri fil-Parlament. Huwa qal li dan huwa eżempju ta' arroganza fil-konfront tal-poplu.
Dwar l-għoli tal-ħajja Bernard Grech qal li din qed taffetwa lil ħafna familji, liż-żgħażagħ u anke lill-anzjani u akkuża lill-Gvern li "għadu bla soluzzjonijiet u lin-nies qed iħallihom jgħumu weħidhom."
"Din il-problema," kompla jgħid il-Kap tal-PN, "qed taffetwa l-istil tal-ħajja tan-nies li mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar."
Fl-intervista ma’ Dione Borg, Bernard Grech fakkar li apparti l-għoli tal-ħajja, il-Gvern għadu qed jisraq lill-familji mill-kontijiet tad-dawl.
Intant Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-elezzjoni għall-Viċi Kap tal-PN u stqarr li dan huwa proċess ta’ tiġdid meħtieġ biex tibqa’ ssir differenza għall-ġid tan-nies. “Inħares ‘il quddiem biex naħdem mal-Viċi Kap għaliex dan huwa l-punt tat-tluq, ħalli insaħħu l-ħidma tagħna”.
Grech sostna wkoll - fir-rigward tal-kariga ta' Kummissarju tal-Istandards u l-Ombudsman - illi l-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh. "Dan wara li l-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards ġiet vakata, filwaqt li l-kariga tal-Ombudsman ukoll hemm bżonn timtela. Iżda sal-lum għadha ma saret ebda konsultazzjoni minn naħa tal-Gvern."
Bernard Grech fakkar li l-karigi kollha f’pajjiżna huma importanti, u li fihom għandu jkun hemm persuni integri u kapaċi. U għalhekk, stqarr li l-Prim Ministru għandu obbligu jikkonsulta.