Sinjali pożittivi għall-MIA hekk kif f'Ġunju għaddew mill-ajruport 603,532 passiġġier

Dan huwa 83.6% tat-traffiku li kien normalment jgħaddi f'Ġunju, sa qabel il-pandemija...

Matul Ġunju t-traffiku fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta (MIA) kompla juri sinjali pożittivi ħafna hekk kif laqa' 603,532 passiġġier, li tlaħħaq it-83.6% tat-traffiku li kien jintlaħaq qabel il-pandemija tal-Covid-19. Fil-fatt, Ġunju kien l-aqwa xahar għall-MIA din is-sena sa minn Ottubru 2019, minkejja li l-movimenti tal-ajru għadhom kważi 81% ta' dawk li kienu qabel faqqgħet il-pandemija u n-numru ta' siġġijiet fuq l-ajruplani kien dak ta' 82.3% ta' dak li kien qabel il-pandemija. 

Is-Seat Load Factor f'Ġunju żdied b'1.4% għal 85.5%, wara żieda simili f'Mejju. 

Fiċ-ċifri li ppubblika l-MIA reġa' kien ikkonfermat li l-akbar swieq kienu dawk tar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja għalkemm Ġunju reġa' ra r-ritorn tal-Ispanjoli fil-ħames l-aqwa swieq għal pajjiżna. Dan fid-dawl tal-fatt li f'Ġunju bdiet itir lejn Malta il-kumpanija Vueling minn Bilbao, fit-Tramuntana ta' Spanja. 

Minn Jannar sa Ġunju 2.3 miljun passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta li huwa daqs kemm għaddew fl-2021 kollha. 

 

More in Politika