L-ADPD jitlob li titressaq mozzjoni sabiex jitneħħa l-President George Vella
L-ADPD qed jitlob dan għax jemmen li Membru Parlamentari tal-ADPD fil-Parlament hekk kien jagħmel
More in Politika
L-ADPD qed jitlob dan għax jemmen li Membru Parlamentari tal-ADPD fil-Parlament hekk kien jagħmel
Iċ-Chairperson tal-ADPD, Carmel Cacopardo talab biex titressaq mozzjoni fil-Parlament biex il-President George Vella jitneħħa (mozzjoni t’impeachment) wara li dan naqas li jiffirma il-liġi tal-IVF kif approvata mill-Parlament aktar kmieni dan ix-xahar.
F’post fuq il-blog tiegħu aktar kmieni illum, Cacopardo saħaq li l-Artiklu 72 tal-Kostituzzjoni jitlob li “Meta jkun hemm liġi li tiġi ppreżentata lill-President għal kunsens tieħu, dan għandu jagħmel dan mingħajr dewmien.”
Il-liġi kif approvata ilha għand il-President għal numru ta’ ġranet u l-President Vella għadu ma tax il-kunsens tiegħu kif inhu obbligat li jagħmel. Iċ-Chairperson tal-ADPD spjega li dan in-nuqqas ta’ kunsens min-naħa tal-President “mingħajr dewmien” huwa bi ksur ċar tar-responsabbiltajiet Kostituzzjonali tiegħu.
Skont Cacopardo, f’dikjarazzjonijet li għamel lill-midja fil-ġranet li għaddew jidher ċar li George Vella mhuwiex lest li jgħatti il-kunsens tiegħu għal liġi tal-IVF kif approvata. "Dan huwa assolutament inaċċettabbli u jmur kontra ir-responsabbiltajiet Kostituzzjonali tiegħu bħala President tar-Repubblika," tenna Cacopardo.
Huwa saħaq li Membru Parlamentari f’isem ADPD kien ikun diġà ressaq mozzjoni biex jitneħħa George Vella mill-kariga ta’ President tar-Repubblika fin-nuqqas tiegħu li "jeżerċita ir-responsabbiltajiet Kostituzzjonali tiegħu mingħajr dewmien."