Perici Calascione elett Viċi Kap tal-PN b'90% ta' dawk il-Kunsilliera li vvotaw

Alex Perici Calasione - eks Teżorier u eks President tal-Eżekuttiv - ikkontesta din il-kariga waħdu hekk kif ħadd ma tefa' ismu għal din il-kariga fit-tmexxija tal-PN...

Alex Perici Calascione
Alex Perici Calascione

Alex Perici Calascione kien elett Viċi Kap tal-PN wara li kiseb 976 vot mill-Kunsilliera tal-PN, jew 90% ta' dawk li vvotaw, wara elezzjoni li għaliha kkontesta Calascione waħdu. 

Kienu 1,102 Kunsillier minn 1,571 Kunsillier eliġibbli li vvotaw bi 22 vot ikunu invalidi. 104 kunsilliera tal-PN ivvotaw kontra l-kandidatura ta' Perici Calscione. 

Calascione - avukat ukoll - kellu diġà karigi oħrajn fil-PN, fosthom dak ta' teżorier u kien ukoll kandidat fl-elezzjoni għal Kap ġdid fl-2017, meta kien skwalifikat fl-ewwel rawnd flimkien ma' Frank Portelli. Huwa kien ukoll President tal-Eżekuttiv tal-PN, fiż-żmien meta t-tmexxija ta' Adrian Delia kienet qed tiġi sfidata mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Huwa kien ukoll kandidat tal-PN fl-aħħar elezzjoni, iżda ma kienx elett.

Perici Calascione se jieħu post Robert Arrigo u David Agius bħala żewġ Viċi Kapijiet u dan hekk kif wara l-bidla fl-Istatut kien deċiż li l-partit ikollu biss Viċi Kap wieħed. 

David Agius irringrazzja lill-PN u l-kapijiet kollha tal-PN, filwaqt li rrigrazzja lil Robert Arrigo għall-ħidma tiegħu. Huwa fakkar fl-elezzjonijiet ta' sentejn oħra u l-importanza li l-PN ikun tim wieħed. "Filwaqt li l-Labour qed jinganna lin-nies tal-Belt, lill-ħaddiema tal-Air Malta... it-telqa madwarna, l-iżdingar, il-bini eċċessiv, l-għoli tal-ħajja, is-serq fil-kontijiet aħna rridu nkomplu niġġeddu."

Ara x'qal l-eks Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo fl-istess attività llejla.

More in Politika