'Malta ser terġa’ tkun id-destinazzjoni uffiċjali tal-klabb Manchester United' - Il-Gvern
Jiġġedded il-partnership agreement bejn VisitMalta u Manchester United
minn Albert Gauci Cunningham
Malta ser terġa’ tkun id-destinazzjoni uffiċjali tal-klabb ta’ fama internazzjonali Manchester United hekk kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Manchester United ħabbru li ser ikunu qed iġeddu l-ftehim tagħhom li permezz tiegħu l-klabb ser ikun qed jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni turistika mas-segwaċi u mal-ammiraturi li l-istess klabb għandu madwar id-dinja, u li jammontaw għal 1.1 biljun persuna, ħabbar il-Gvern fi stqarrija.
Manchester United u Malta għandhom rabta dejjiema, li hija karatterizzata minn storja twila, b’Malta s-sede tal-eqdem klabb tas-supporters tal-Manchester United.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-brand VisitMalta ser tibbenifika minn viżibilità b’saħħitha waqt il-logħbiet li jintlagħbu f’Old Trafford, u anke fuq il-mezzi diġitali, midja soċjali u midja stampata madwar id-dinja kollha. Id-dettalji ta’ dan it-tiġdid tħabbru waqt attività organizzata f’Old Trafford, Manchester, fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu Anthony Gatt u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef.
“Il-fatt li VisitMalta ser terġa’ tkun Official Destination Partner ta’ Manchester United ser twassal għal żieda bla preċedent fil-viżibilità u fil-koordinament tal-isforzi ta’ marketing għall-gżejjer Maltin, mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll fi swieq long-haul bħall-Amerika, l-Ażja, u l-Lvant Nofsani. Ninsab ottimist li dan il-partnership agreement ser ikompli jwassal biex Malta tiġi stabbilita bħala ċentru ta’ eċċellenza għat-turiżmu sportiv”, irrimarka l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
“Waqt ix-xhur tal-pandemija, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kellha tkun innovattiva biex timmassimizza l-potenzjal ta’ din il-partnership, u dan fi żmien meta kull forma ta’ attività sportiva kienet wieqfa. Dan sar permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi ta’ natura diġitali, intiżi sabiex iżidu l-viżibilità u l-engagement, fejn stajna anke nesponu s-sbuħija tal-gżejjer Maltin mal-ammiraturi tal-Manchester United," saħaq il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef. Huwa fakkar li dan il-klabb għandu ammiraturi madwar id-dinja kollha, speċjalment fir-reġjun Ażjatiku, "fejn Manchester United huma rikonoxxuti bħala wieħed mill-aktar klabbs sportivi b’saħħithom fid-dinja."
Id-Direttur tal-Alleanzi u s-Sħubijiet ta’ Manchester United, Ali Edge, qalet li Manchester United u Malta għandhom relazzjoni u storja rikka u jinsabu kuntenti li ser jissokta dan il-ftehim ma’ VisitMalta. “Aħna tassew kburin b’dak li rnexxielna niksbu fl-ewwel snin tal-partnership, speċjalment f’perjodu fejn l-ivvjaġġar internazzjonali kien ristrett, u nħarsu ’l quddiem biex inkomplu dan il-ftehim ta’ suċċess għas-snin li ġejjin”.
Il-Partnership Performance Director, Liam McManus, qal li sa minn meta nedejna dan il-partnership ma’ VisitMalta, "flimkien irnexxielna nipprovdu, b’mod kontinwu, għarfien dwar Malta bħala destinazzjoni turistika mill-aqwa." Huwa qal li dan għen sabiex jinbnew pedamenti b’saħħithom biex bl-aktar mod ideali, Malta tkun f’pożizzjoni vantaġġuża f’dak li għandu x’jaqsam l-irkupru tas-settur turistiku wara l-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19.”
VisitMalta ser tkun qed torganizza wkoll u tieħu ħsieb li tniedi għadd ta’ offerti fuq is-sit elettroniku tagħha, liema offerti ser ikunu mmirati speċifikament lejn l-ammiraturi ta’ Manchester United, u dan bil-għan li l-istess ammiraturi jkunu jistgħu jesploraw l-isbuħija tal-gżejjer Maltin.