'Il-pjan ta' ristrutturar tal-Air Malta għaddej kif skedat' - Clyde Caruana
Il-Gvern jipproponi żewġ skemi oħra ma' dik tat-trasferiment f'entitajiet pubbliċi biex ilaħħaq mad-domanda
More in Politika
Il-Gvern jipproponi żewġ skemi oħra ma' dik tat-trasferiment f'entitajiet pubbliċi biex ilaħħaq mad-domanda
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana f'konferenza stampa saħaq li l-pjan ta' ristrutturar tal-Air Malta għaddej kif skedat, tant hu hekk li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin aktar 500 ħaddiema se jkunu qed jiġu trasferiti mill-Air Malta għall-impjiegi oħra fis-settur pubbliku. Dan qalu fid-dawl ta' xniegħat li l-linja nazzjonali ta' Malta se tkun qed tagħlaq il-bibien tagħha, minkejja l-isforz minn naħa tal-Gvern biex din tibqa' topera.
Mistoqsi hemmx il-ħsieb li linja tal-ajru nazzjonali ġdida tieħu post l-Air Malta huwa saħaq li l-pjanijiet tal-kumpanija qed jiġu diskussi mal-Kummissjoni Ewropea. "La darba jintlaħaq qbil fuq il-pjanijiet mal-Kummissjoni, inkun minn tal-ewwel li nagħmilhom pubbliċi" saħaq Caruana. Dan filwaqt li ma indikax liema pjanijiet qed jiġu diskussi.
Saħaq li 574 ħaddiem tal-linja tal-ajru qablu li jingħataw trasferiment għall-entitajiet oħra jew inkella jingħataw is-somma u jfittxu impjieg alternattiv huma. Meta ħabbar din l-iskema, lura f'Jannar, Caruana kien saħaq li dawn il-ħaddiema kellhom għażla waħda - dik tal-iskema ta' trasferiment - u dan biex jiżguraw li ħadd ma jispiċċa bla impjieg. Madankollu fil-konferenza huwa kkjarifika li minn dak iż-żmien dawn sa' issa, il-ħaddiema ingħataw żewġ għażliet oħra; dik li jieħdu s-somma jew inkella skema oħra ta' rtirar għal dawk il-ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena.
Tajjeb li nfakkru li l-iskema ta' trasferiment ġiet estiża minn Awwissu sa' l-aħħar ta' din is-sena hekk kif il-kapijiet tal-linja tal-ajru beżgħu li t-trasferimenti ifixklu l-operazzjonijiet ta' kuljum tagħha. Minkejja dan il-Gvern qiegħed isibha diffiċli li jsib xogħolijiet fi ħdan is-servizzi tal-Gvern b'paga ekwivalenti għal dik tal-ħaddiema tal-Air Malta mingħajr ma' jaqbeż il-paga attwali ta' ħaddiema preżenti fis-setturi varji. Fil-fatt kien dan li wassal għall-introduzzjoni taż-żewġ skemi li tkellem dwarhom il-Ministru Caruana.
Il-Gvern irċieva 571 applikazzjoni ta' trasferiment minn 824 ħaddiem li tneħħa mill-Air Malta, ċifra li l-Gvern ma kienx stenna. Fil-fatt 95% tal-ħaddiema tal-Airmalta membri fil-General Workers Union (GWU), ivvotaw favur il-ftehim li ntlaħaq bejn l-Unjin u l-Gvern, li fih dan kien jindika b'mod ċar li dawn il-ħaddiema se jkollhom xogħol garantit u ħlas ta’ ‘take home pay’ garantita, il-ftehim issa ffirmat kien jistipula wkoll żewġ skemi li ġew finalizzati waqt dawn l-aħħar diskussjonijiet.