‘Għalik jissikaw iċ-ċintorin. Għalihom miljuni fis-sena’ - Jerome Caruana Cilia
Schembri iddeskriva t-tnaqqis tal-baġit tal-Università bħala 'oxxenità diżgustanti u inġusta'
More in Politika
Schembri iddeskriva t-tnaqqis tal-baġit tal-Università bħala 'oxxenità diżgustanti u inġusta'
F'Konferenza Stampa il-Kelliem għall-Finanzji tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia flimkien mal-Kelliem għall-Edukazzjoni Justin Schembri esprimew rabja fuq l-aħħar tnaqqis fil-baġit allokat għall-Università ta' Malta filwaqt li stqarru li huma kkonċernati li se jkun hemm aktar tnaqqis fil-baġits allokati f'setturi oħra bħalma huma tas-saħħa, tal-kultura u l-arti u kif ukoll il-baġit allokat f'Għawdex. Tant hu hekk li Caruana Cilia saħaq li mhuwiex ġust u f'indirezz lill-poplu saħaq li, "għalik jissikkaw iċ-ċintorin. Għalihom miljuni f'sena."
Dan Caruana Cilia qal b'referenza għall-kummenti tal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana li saħaq li, "diġà naqqas €100 miljun mill-baġit allokat għal din is-sena. Ftit ġranet ilu qalilna li b'kollox irid iqaċċat mal-€200 miljun." Caruana Cilia talab pubblikament biex il-Ministru jagħti indikazzjoni ċara fejn "tqaċċtu dawn il-miljuni? U fuq liema kriterji sar dan it-tnaqqis?"
Intant Schembri saħaq li d-deċiżjoni tat-tneħħija ta' €1.1 miljun hija "irresponsabbli, inkonċepibbli, inġust u diżgustanti". Stqarr ukoll li din hija oxxenità min-naħa tal-Gvern Laburista li "fil-manifest elettorali tiegħu kien wiegħed li jżid il-fond għar-riċerka għal 2% tal-GDP." Żied jgħid li din tmur kontra wegħda oħra tal-Gvern li fiha saħaq li r-riċerka hi kruċjali għal soluzzjonijiet aktar ħolistiċi. "Ħafna retorika u paroli, li issa nafu li ma jfisser xejn," irrimarka Schembri.
Schembri żied jgħid li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa kontinwazzjoni tal-Gvern ta’ Jospeh Muscat u "qiegħed jagħmel minn kollox" biex iforni lill-Università taż-Żonqor biex din tibqa’ topera.
Min-naħa l-oħra Caruana Cilia għamel referenza għal numru ta' rapporti dwar l-infiq fil-Ministeri kif ukoll għal xi tenders. "Smajna bit-tnaqqis tal-baġit tal-Università, iżda t-tberbiq u l-ispalpaljar mingħand ċertu Ministri. Ma jdejquhx ċertu Ministri li, kontinwament, qiegħdin jaħarqu flus il-poplu fit-tberbiq."