L-ADPD qed kakkuża lill-Gvern li għandu “prijoritajiet żbaljati.” Fi sqtarrija, l-ADPD qala dan fir-rigward tal-aħbar li ħarġet fil-ġurnali din il-ġimgħa, jiġifieri dik li l-Università ta’ Malta se jkollha tnaqqis ta’ aktar minn miljun ewro mill-baġit allokat lilha mill-Gvern għal din is-sena u miljuni oħra mill-baġit tas-sena d-dieħla.
L-ADPD issuġġerixxa li jekk kellu jkun hemm xi tnaqqis mill-infieq pubbliku, dan kellu jkun mis-sussidji fuq il-petrol u d-diesel. Bl-għażla tal-Gvern, skont l-ADPD, “qed nilgħabu mal-futur tal-pajjiż.”
Fil-fatt iċ-Chairperson tal-ADPD, Carmel Cacopardo qal illi l-Università u l-edukazzjoni b’mod ġenerali ġewwa Malta jeħtieġu żieda fir-riżorsi finanzjarji sabiex ikunu aktar effettivi “fl-iżvilupp sħiħ tal-istudenti tagħna.”
Fakkar li fil-wegħdiet ta’ qabel l-aħħar elezzjoni, fosthom dik biex tiżdied l-allokazzjoni ta’ fondi għar-riċerka għal 2% tal-GDP. Cacopardo insista li anke dan il-fond se jara tnaqqis fl-l-allokazzjoni mogħtija.
“U dan meta pajjiżna regolarment jiġi kklassifikat lejn l-aħħar fl-Ewropa fejn jidħol investiment fir-riċerka.”
Carmel Cacopardo kkonkluda jgħid li tnaqqis bħal dan “fl-investiment tal-edukazzjoni” se jwassal biex jiskoraġġixxi studenti li jkomplu jistudjaw fuq livell terzjarju u dan mhux biss fl-Università.
“L-ikbar investiment li nistgħu nagħmlu hu fl-edukazzjoni. Imma sfortunatament għall-Gvern. L-edukazzjoni għadha mhux prijorità” temm Cacopardo.